Regoli ġodda ġew introdotti llum mill-Parlament Ewropew, fejn qed tkun iktar sigura u faċilitata l-proċedura jekk xi ħadd jitlef jew jiġrilu xi  ħaġa fil-passaport waqt li jkun barra mill-Unjoni Ewropea. Id-dokumenti jista’ jġibhom minn kull ambaxxata Ewropea mhux bilfors tal-pajjiż li minnu jkun ġej il-persuna. Dawn id-dokumenti huma aktar siguri u joffru protezzjoni kontra l-frodi.

Dawn id-dokumenti se jkunu validi għal 15-il ġurnata u għalhekk jassiguraw li kulħadd ikun jista’ jirritorna pajjiżu mingħajr problemi. Dan id-dokument idum sa erbat ijiem biex jiġi ppubblikat.

Kinga Gal, il-kelliema tal-Unjoni Ewropea għall-ivjaġġar b’emerġenza qalet li wara l-avvanzi li saru fis-sigurtà tal-karti tal-identità tal-Unjoni Ewropea, il-permessi residenzjali u visas tax-Xengen, l-unika ħaġa li ma kinitx għada sigura kienet tad-dokumenti li jintużaw meta persuna għandha bżonn issiefer b’mod urġenti. Hija spjegat li minħabba n-nuqqas ta’ sigurtà, din is-sistema kienet qed tiġi abbużata għat-traffikar ta’ persuni. Hija spjegat li fis-sistema l-ġdida, se jkun hemm magni apposta li jidentifikaw il-wiċċ tal-applikant u jkunu jistgħu jikkonfermaw l-identità tal-persuna.