Il-Gvern ma laqax talbiet li qed isiru mill-Kamra Maltija għan-Negozji ż-żgħar (GRTU) biex sidien tal-pompi tal-petrol jingħataw sostenn biex ikopru spejjeż għall-ħtiġijiet infrastrutturali.

Il-Gvern fi stqarrija nnota t-talbiet għal dawn iż-żidiet mill-GRTU iżda qal li ma jaqbilx minħabba li qal li f’dan l-istadju il-prezz tal-fjuwil jogħla għall-konsumatur iktar mill-prezz internazzjonali tal-fjuwil.

Il-GRTU kienet wissiet li l-pompi tal-petrol lesti jieħdu azzjonijiet industrijali.

Ċans ta’ azzjonijiet industrijali mill-pompi tal-petrol dalwaqt – GRTU

Il-Gvern qal li aktar kmieni llum, il-Ministru Joe Mizzi sejjaħ lill-GRTU għal laqgħa dwar il-kwistjoni tal-għajnuna li qed jitolbu s-sidien tal-pompi tal-petrol biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet infrastrutturali. Sostna li dwar dan kienet ingħatat deċiżjoni mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi fl-2011 li kienet tat żieda fil-qliegħ mill-fjuwil lill-pompi bil-kundizzjoni li dawn ikopru l-investimenti strutturali li għandhom isiru sal-2020.

L-istqarrija tal-Gvern ittemm tgħid li l-bieb għal taħdidiet jibqa’ miftuħ.

Il-GRTU mhux se tiżvela dettalji dwar id-diskussjonijiet

F’reazzjoni għar-rapporti fil-midja, il-GRTU sostniet li mhux se tkun qed tiżvela dettalji waqt li d-diskussjonijiet dwar il-petrol stations għadhom għaddejjin. Qalet ukoll li se tkun qed tagħti sal-aħħar tal-ġimgħa sabiex jiġu konklużi d-diskussjonijiet. Insistiet li jekk ma jintlaħaqx qbil se ssejjaħ laqgħa ġenerali għall-membri nhar it-Tnejn li ġej.