Il-Malta Enterprise flimkien mal-MCAST nehdew kampanja biex jiprommwovu xogħolijiet fl-industrija tal-avjazzjoni. L-MCAST qed toffri diversi korsijiet speċifiċi għal-tekniċi fl-industrija tal-manutenzjoni u t-tiswija (MRO) fis-settur tal-avjazzjoni.

L-industrija tal-avjazzjoni f’Malta qed tkompli tikber u tattira l-interess ta’ investituri kemm lokali kif ukoll barranin. Għal dan il-għan, jeżistu bosta opportunitajiet ta’ xogħol ma’ diversi operaturi filwaqt li iktar opportunitajiet mistennija jinħolqu fiż-żmien li ġej.

Xogħolijiet tekniċi fl-avjazzjoni qed jattiraw kemm persuni li qed jitħajjru għal karriera ġdida kif ukoll żagħżagħ li għadhom mhux daqshekk deċiżi fuq il-karriera tagħhom fis-suq tax-xogħol.

Dettalji fuq dawn il-korsijiet offruti mil-MCAST jistgħu jinstabu fuq www.mcast.edu.mt/243. Il-korsijiet jirrikjedu livell ordinarju ta’ edukazzjoni iżda hemm ukoll korsijiet għal dawk li għad mandhomx il-livell mitlub biex jinkitbu.

L-applikazzjonijiet jiġu milqugħa sa nhar il-25 ta’ Jannar. Il-korsijiet jibdew jingħataw fi Frar 2019.

Din il-kampanja hija waħda mill-ħafna inizjattivi li l-Malta Enterprise tagħmel biex tgħin l-industrija tkompli tikber, toħloq impjiegi ġodda kif ukoll tinvesti għall-edukazzjoni u taħriġ tal-ħaddiema.