Hekk kif id-data għal ħruġ mill-Unjoni Ewropea qiegħda dejjem toqrob il-programm Followup: Dinja Ewropa ta’ nhar l-Erbgħa 16 ta’ Jannar iddiskuta t-tema ta’ Brexit bl-involviment ta’ diversi esponenti Maltin.

Mexxa l-programm Jesmond Saliba u flimkien miegħu, il-kelliema esprimew it-tħassib tagħhom għal dak li se jiġri bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.

Anna Zammit li tmexxi l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta tkellmet dwar dak li ntqal fid-dibattitu fis-sessjoni plenarja fi Strasburgu. Hija qalet li l-Membri Parlamentari Ewropej qalu li hemm bżonn li ż-żmien biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea jitwal u tkellmu wkoll dwar ir-restrizzjonijiet li se jidħlu fis-seħħ mal-fruntiera ta’ bejn l-Irlanda u r-Renju Unit.

 

Dominic Grech qal li huwa evidenti li l-poplu Ingliż għandu nuqqas ta’ tmexxija, isejjaħ dan bħala “vacuum kbir ta’ leadership”. Huwa qal li l-membri parlamentari Ingliżi użaw l-aspett politiku biex jaraw l-avvanzi tal-partiti rispettivi tagħhom.

 

Elena Grech, li hija l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta qalet li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker qal li ddispjaċih li l-Ingliżi ma laqgħux l-aqwa pakkett li ntlaħaq bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. Hija qalet li tinsab xettika li anki jekk jitwal iż-żmien għal Brexit, ir-Renju Unit jibqa’ ma jaqbilx dwar ir-relazzjoni li għandu jkollu mal-Unjoni Ewropea fil-futur.

Dr Roderick Pace, lettur fl-Università ta’ Malta qal li l-Partit Laburista Ingliż jixtieq jerġa’ jkun fil-Gvern u qed juża’ din is-sitwazzjoni biex jipprova jisfiduċja lill-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Theresa May. Qal li minkejja li l-Ingliżi għadhom ma ftehmux bejniethom, l-Unjoni Ewropea baqgħet kompatta wara l-ftehim li ntlaħaq.

 

L-eks Ministru Michael Falzon stqarr li l-agħar deċiżjoni tkun jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ebda ftehim. Spjega li skont hu, jista’ jkun hemm talba biex id-data tal-ħruġ ma tibqax id-29 ta’ Marzu iżda tiġi posposta.

 

Martin Bugelli qal li l-vot li tilfet May fil-House of Commons ma kienx ċar għax hemm diversi fehmiet li vvutaw kontra l-ftehim li May laħqet mal-Unjoni Ewropea. Spjega li l-populiżmu qed jgħolli rasu minħabba li fil-preżent, kulħadd jista’ jsemma’ leħnu permezz tal-midja soċjali u jwassal l-aspett li jkun jemmen fih minn dawn il-mezzi. Saħaq li għalhekk in-nies qed jivvutaw għal aspett wieħed mill-politika u mhux bħala pakkett wieħed għal tmexxija ta’ Gvern.

Charlo Bonnici saħaq li r-Renju Unit jeħtieġ li tagħmel l-għażla għal futur tar-relazzjoni tal-pajjiż mal-Unjoni Ewropea. Tkellem dwar it-tieni pjan għal May li mistennija tippreżentah nhar it-Tnejn li ġej. Skont Bonnici, l-aħjar għażla hi li jitwal il-proċess biex tinstab soluzzjoni.