Żewġ ajruplani ħabtu fuq ir-runway tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Skont sorsi ta’ Newsbook.com.mt l-inċident seħħ għall-ħabta tad-9 pm. Skont is-sorsi, ħadd ma’ weġġa’ fl-inċident.

Il-ħabta kienet bejn ajruplan tat-Turkish Airlines li kien qed iħejji biex jitlaq lejn Istanbul u ajruplan ta’ Ryanair. L-ajruplan tat-Turkish Airlines kellu l-passiġġieri abbord. Dawn kollha tniżżlu mill-ajruplan. L-ajruplan tar-Ryanair kien ġej minn Bari.

Is-sit tal-ajruport qed jindika li hemm xi dewmien relatat ma’ titjira lejn Istanbul u lejn Bari.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li l-ħabta kienet bejn il-ġewnaħ tax-xellug tal-ajruplan tar-Ryanair u t-tarf tal-ajruplan tat-Turkish Airlines.

This slideshow requires JavaScript.