Il-proprjetarju Ċiniż tad-ditta Brittanika tal-karozzi sportivi Lotus ħabbar li se jibda jipproduċi din il-vetturi għall-ewwel darba fiċ-Ċina. Dan hekk kif infetħet l-ewwel fabbrika fil-belt ta’ Wuhan, b’investiment ta’ madwar biljun ewro. Il-kumpanija Zhejiang Geely Holding Group għandha l-ambizzjoni li timmanifatura karozzi mmirati għal settur aktar upmarket u b’hekk telimina r-reputazzjoni ta’ disinji kkupjati. Dan bl-għan li ssaħħaħ il-volum ta’ produzzjoni u tinvesti f’mudelli ġodda bħal SUVs biex issaħħaħ il-bejgħ.

Fil-preżent, il-karozzi Lotus jinbnew f’Norfolk, fl-Ingilterra. Geely u Lotus qalu fi stqarrija konġunta li filwaqt li Lotus se tibqa d-“dar tal-manifattura”, il-kumpanija kienet se tespandi l-preżenza tagħha, anke mill-aspett ta’ produzzjoni, madwar id-dinja. Lotus mistennija tħabbar aktar postijiet u mudelli fix-xhur li ġejjin. Fil-fabbrika ta’ Wuhan, fil-provinċja ta’ Hubei, Geely se timmanifatura mal-150,000 karozzi fis-sena.

Geely biegħet biss 1,630 vettura Lotus madwar id-dinja matul l-2018. Fost l-aktar mudelli magħrufa hemm l-Evora u l-Elise. Il-Lotus kienet aktar famuża fis-snin Sebgħin u Tmenin meta kellha tim tal-Formula 1 (li kien eventwalment inbiegħ lir-Renault) u għall-użu ta’ Lotus Esprit f’wieħed mill-films ta’ James Bond, The Spy Who Loved Me (1977).

Skont sorsi qrid il-kumpanija, hu mifhum li fil-fabbrika Ċiniża, Lotus mistennija tiżviluppa mudell ta’ SUV lussuż simili għal kunċett ta’ Porsche.

Profitti akbar għal Sage

Il-kumpanija Sage, magħrufa fost numru ta’ accountants għal prodotti tagħha użati f’dan is-settur, irreġistrat żieda ta’ 7.6% fl-ewwel tliet xhur tas-sena fiskali. Dan seħħ hekk kif l-akbar grupp teknoloġiku fil-Borża ta’ Londra introduċa Sistema ta’ negozju bbaażata fuq abbonamenti flok ħlas ta’ liċenzji filwaqt li ħabbar ukoll żieda ta’ aktar minn 10% fl-Istati Uniti u l-Kanada.

Sage ħabbret li se tkun qed tinvesti mas-60 miljun sterlina fin-negozju tagħha filwaqt li mistennija tbiegħ partijiet qodma mill-istess negozu. Id-dħul tal-grupp żdied għal 465 miljun sterlina, il-bejgħ żdied b’aktar minn 10% għal £387m, grazzi b’mod partikolari għal żieda fl-abbonamenti ta’ 27%.

B’mod partikolari, il-kumpanija kellha riżultati pożittivi fl-Amerika ta’ Fuq, b’żieda fil-bejgħ ta’ 10.4%, għal 154 miljun.

Mal-pubblikazzjoni tar-riżultati finanzjarji, il-kumpanija, ibbażata fi Newcastle, rat żieda ta’ 7% fl-ishma tagħha, l-aqwa ġurnata sa mill-2015.

Is-softwer ta’ Sage jintuża minn aktar min-nofs in-negozji tar-Renju Unit biex iħallsu lill-ħaddiema tagħhom u hija l-aktar popolari man-negozji ta’ daqs żgħir u medju. Il-kumpanija, li għandha kważi 40 sena, hi preżenti f’aktar minn għoxrin pajjiż madwar id-dinja fejn tħaddem mal-14,000 impjegat.

Hitachi tirtira l-investiment nukleari minn Wales

Hitachi kkanċellat il-pjanijiet tagħha li tibni żewġ power station nukleari f’Wales, biex b’hekk saret it-tieni kumpanija f’xahrejn li tabbanduna proġett nukleari ewlieni, f’dik li qed tissejjaħ kriżi fl-istrateġija tal-enerġija tar-Renju Unit. L-impjant ta’ 16-il biljun sterlina li kien se jinbena f’Anglesey, kien mistenni li jkun impjant ta’ ġenerazjoni ġdida iżda l-grupp Ġappuniż ma laħaqx ftehim mal-Gvern tar-Renju Unit.

Il-kumpanija ħabbret ukoll li ma kinitx se tkompli bl-investiment fl-immodernizzar tal-impjant f’Oldbury.

Il-bord ta’ Hitachi rtira l-investiment u aċċetta telf ta’ 2 biljun mill-impenn meħud iżda sostna li l-ispejjeż tal-proġett ma kienux baqgħu sostenibbli. Din id-deċiżjoni tat daqqa ta’ ħarta oħra lill-Gvern, kemm għall-politika dwar l-enerġija kif ukoll għaliex dan kien qed jitqies bħala investiment ewlieni post-Brexit. Barra minn hekk, dan se jfisser ukol lit-telf ta’ madwar 300 impjieg ma; Horizon Nuclear Power, sussidjarja taa Hitachi, barra minn mijiet oħra li jaħdmu f’kumpanija li jipprovdu s-servizzi tagħhom f’dan is-settur.

Ftit ġimgħat ilu Toshiba wkoll ikkanċellat proġett simili f’Moorside. Dawn it-tliet impjanti flimkien kienu mistennija jiġġeneraw mal-15% tat-talba tal-enerġija fil-pajjiż, u b’hekk il-Gvern se jkun jeħtieġ isib soluzzjonijiet kruċjali fl-immedjat.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.