L-akkademiku Malti u kartunista Ġorġ Mallia u l-artista Svediża li taħdem bil-metalli, Marie Louise Kold għamlu snin twal bħala ħbieb, iżda maż-żmien din il-ħbiberija saret aktar profonda tant li wasslet sabiex jiżżewġu. 

Iż-żewġ maħbubin ġew intervistati minn Coryse Borg waqt il-programm Kun Afhom Aħjar fuq RTK 103FM fejn tkellmu kif ilhom jafu lil xulxin 25 sena. Kold sostniet kif darba Mallia ispiraha sabiex kull emozzjoni li tħoss tużaha fl-arti tagħha, u minn hemm baqgħu jikkorrispondu permezz ta’ ittri bħala ħbieb.

Mallia u Kold iżżewġu 15-il xahar ilu fi ġnien f’Lund, fil-kumpanija ta’ ftit persuni speċjali għalihom u l-fotografu. Illum il-ġurnata jaqsmu l-ħin tagħhom bejn Malta u l-Isvezja, li ddeskrivewha bħala l-iktar parti diffiċli tar-relazzjoni tagħhom.