Grupp ta’ sorijiet se jkunu qed idoqqu mużika rock għall-Papa waqt il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Panama.

Fil-vidjo idoqqu diska jisimha “Trust in God”, u dan deher daqs 2 miljun darba fuq Youtube. Issa, se jkunu qed idoqqu l-Panama biex iferrħu l-Papa u ż-żgħażagħ kollha li se jkun hemm preżenti jiċċelebraw il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.

“Aħna għadna żgħar”, spjegat il-kitarrista tal-grupp, is-Sor Ivonne, li għandha 37 sena. Dan il-grupp, ta’ 11-il membru, jgħaqqad membri miċ-Ċilì, mill-Ġappun, mill-Guinea Ekwatorjali, miċ-Ċina u mill-Kosta Rika.

“Dan mod kif inwasslu l-messaġġ t’Alla, u nuru li aħna b’saħħitna – hija tip ta’ mużika li tgħoġobna u li tirrifletti min aħna”. Il-grupp magħruf bħala “Siervas” jew Servjanti, u jdoqqu mużika rock b’messaġġ Nisrani. Però, huma xorta jilbsu l-libsa normali tagħhom, bil-velu.