Wara l-ħabta bejn il-żewġ ajruplani lbieraħ flagħxija, Newsbook.com.mt kien fuq il-post jieħu r-reazzjonijiet tal-passiġġiera.

Passiġġier fuq l-ajruplan tat-Turkish Airlines, Hussein Saeed, kien sejjer it-Turkija fuq xogħol. Huwa spjega kif l-ajruplan kien nieżel ir-runway, lest biex itir, hekk kif kien hemm impatt kbir mal-wara tal-ajruplan. Jidher li l-ġewnaħ tax-xellug tal-ajruplan tar-Ryan Air ħabtet mat-tarf tal-ajruplan tat-Turkish Airlines. Huwa spjega li peress li kien bilqiegħda lejn wara tal-ajruplan, ħass l-impatt iżjed min-nies l-oħra. B’ton umoristiku, Saeed qal li huwa għeluq sninu, u li mhux eżatt qed iqatta’ ħinu bl-aħjar mod!

Huwa żied jgħid li t-Turkish Airlines vera qed jgħinu ħafna lill-passiġġiera – sabulhom akkomodazzjoni għall-lejl u mistennijin itiru fid-9.35am tal-lum. Madanakollu, spjega li l-ħaddiema tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħallewhom jistennew daqs siegħa u nofs bla ebda informazzjoni wara li niżlu mill-ajruplan.

Passiġġier ieħor jismu Philip Tennant, kien sejjer lura l-Kuwajt billi jtir l-Istanbul. Spjega kif qabel it-titjira, kien hemm diġà daqs 50 minuta dewmien. Hekk kif kien lest biex jitlaq l-ajruplan, kien hemm theżżiża lejn il-wara tal-ajruplan. Wara li stennew 50 minuta oħra, niżlu mill-ajruplan. Żied jgħid li kulħadd kien kalm abbord l-ajruplan.

Passiġġier ieħor li xtaq jibqa’ anonimu kkonferma t-theżżiża li nħasset, kif ukoll il-fatt li n-nies kienu kalmi. Ikkonferma wkoll li damu fuq l-ajruplan daqs sagħtejn qabel niżlu, għaliex għamlu 50 minuta qabel telqu, u 50 minuta oħra wara l-ħabta.

Stqarrija mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta

Fi stqarrija, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta spjega li l-ħabta ġrat għal xid-9pm tal-bieraħ. Waqt li l-ajruplan tar-Ryanair kien qed isuq fuq Taxiway Charlie, l-ajruplan tat-Turkish Airlines kien qed isuq fuq Taxiway Delta.

Il-ħsarat kienu żgħar, skont l-ajruport. Ma kien hemm l-ebda ġrieħi. L-Ajruport skuża ruħu tal-inkonvenjenza li ġiet ikkawżata lill-passiġġieri, u qal li qed jgħin lill-awtoritajiet fl-investigazzjoni tagħhom.