L-ajruplani li ħabtu lbieraħ fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta kienu qed jingħataw struzzjonijiet mill-Malta Air Traffic Control fil-ħin tal-inċident, skont il-linja tal-ajru Ryanair.

Kelliem għar-Ryanair qal ma’ Newsbook.com.mt li wieħed mill-ajruplani tagħhom kien qed isuq lejn l-istand tal-ajruport ta’ Malta meta parti mill-ġewnaħ tiegħu (il-winglet) girfet it-tarf ta’ ajruplan tat-Turkish Airlines.

Skont ir-Ryanair, l-ajruplan tagħha ġie spezzjonat mill-inġiniera tagħha. Biex tnaqqas id-dewmien, il-passiġġieri tpoġġew fuq ajruplan ieħor li telaq lejn Bari “ftit tal-ħin wara”. Qalet li l-ħsara “minima” ssewwiet.

Ilbieraħ għall-ħabta tad-9 pm żewġ ajruplani ħabtu fll-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Filmat: Ħabta bejn żewġ ajruplani f’Malta

Passiġġier fuq l-ajruplan tat-Turkish Airlines, Hassan Saeed, kien sejjer it-Turkija fuq xogħol. Huwa spjega kif l-ajruplan kien nieżel ir-runway, lest biex itir, hekk kif kien hemm impatt kbir mal-wara tal-ajruplan. Jidher li l-ġewnaħ tax-xellug tal-ajruplan tar-Ryan Air ħabtet mat-tarf tal-ajruplan tat-Turkish Airlines.

Tista’ tara x’qalu l-passiġġieri fl-intervisti tagħhom ma’ Newsbook.com.mt minn hawn.