L-Art Imqaddsa fejn in-numru ta' nsara qed jonqos ħafna

Matul l-aħħar 60 sena il-popolazzjoni tal-Insara f’Betlem u l-villaġġi tal-madwar, minħabba diversi raġunijiet,  naqset minn 86% għal 12%

Din il-komunità nisranija qed ikollha żjara minn dak li hu magħruf bħala l-“Holy Land Coordination Group” li kull sena jżur lill-insara f’Iżrael u l-Palestina biex juri solidarjetà mal-insara f’dawn il-pajjiżi.

It-tema magħżula għaż-żjara ta’ din is-sena tenfasizza l-isfidi u l-opportunitajiet li qed jiffaċċjaw l-insara f’Iżrael. Din hi l-20 sena li qed issir żjara simili li permezz tagħha l-Knisja Kattolika trid turi lil dawn in-nies li m’humiex weħidhom u m’humiex minsija.

Il-“Holy Land Coordination Group” hu mmexxi mill-Isqof Declan Lang u waqt din iż-żjara se jipparteċipa f’laqgħat bejn ir-reliġjonijiet, se jiltaqa’ ma politiċi ewlenin f’Iżrael u se jżur skejjel u sptarijiet insara fir-reġjun.

Mistoqsi minn “Vatican News” l-Isqof Lang qal li “matul is-snin inbidlu ħafna affarijiet fir-reġjun kemm għall-aħjar kif ukoll għall-agħar.” Fost l-affarijiet pożittivi nnota l-ħidma li qed issir fl-oqsma tal-edukazzjoni u tas-saħħa. “Dan hu sinjal inkoraġġanti li joffri tama.”

Min-naħa l-oħra hu ta’ diżappunt li ma kienx hemm żblokk politika u għad hemm nuqqas ta’ fiduċja kbir bejn komunitajiet differenti partikolarment bejn il-Komunità Għarbija u dik Lhudija.

 

L-Isqof Lang żied jgħid lill-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Vatikan li l-Grupp li hu jmexxi sar aktar konxju tax-xewqa tal-komunità Kristjana Għarbija li trid li tieħu sehem fl-iżvilupp tal-pajjiż, iżda tħoss li mhux titħalla tagħmel dan, l-aktar bil-liġi li kienet approvata ftit ilu magħrufa bħala n-“Nation State Bill” li għadda l-Parlament ta’ Iżrael li tqis lill-Għarab bħala ċittadini tat-tieni klassi.

 

Żied jgħid li matul is-snin kienu varati diversi proġetti u inizjattivi biex jinkoraġixxu d-djalogu bejn il-komunitajiet. Uħud minn dawn għadhom għaddejjin, għax mibnija fuq sisien sodi, iżda fost gruppi żgħar u hemm bżonn li dawn jespandu.

 

Il-“Holy Land Coordination Group” jemmen li l-komunità nisranija li ltaqgħu magħha matul din iż-żjara kienet varjata ħafna. Fil-Galilea il-komunità nisranija hi aktar sinjura minn postijiet oħra iżda xorta għandhom il-biża’ li m’humiex meqjusa bħala ċittadini u li dan mhux pajjiżhom.

 

L-Isqof Lang qal lil “Vatican News” li dawn iż-żjarat fl-Art Imqaddsa isiru biex joffru tama u solidarjetà ma’ ħutna l-Kristjani u biex meta nirritornaw lejn il-pajjiżi rispettivi tagħna, kull membri individwali tal-grupp ikun jista’ jaqsam din l-esperjenza u jitkellem dwar is-sitwazzjoni tal-insara fl-Art Imqaddsa mal-poplu tiegħu. Barra minn hekk iż-żjarat iridu juru li dawn in-nies m’humiex minsija kif kultant iħossuhom.