Il-preżentatur tal-programm Xarabank fuq TVM Peppi Azzopardi qal li l-politika li jħaddan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, speċjalment dwar l-immigranti tinkwetah. Qal ukoll li ma jaqbilx mal-politika tal-lemin tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Waqt il-programm Newsline fuq RTK103, Azzopardi  qal li “ironikament” minn madwar erba’ xhur ilu beda jħoss li ma jistax jappoġġja lil Delia minħabba l-politika tiegħu dwar l-immigranti. Qal li Delia jinkwetaħ minħabba l-ideoloġiji li jħaddan. Waqt l-istess programm, Peppi Azzopardi qal li mhuwiex komdu bil-politika tal-lemin tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

It-tema tal-programm kienet dwar jekk għandux jirreżenja Adrian Delia. L-awditur irtirat Godfrey Leone Ganado rrefera għal artiklu li deher fis-Sunday Times of Malta. Il-gazzetta kienet qalet li Delia kien qed jiġi investigat mill-pulizija b’rabta ma’ allegazzjoni ta’ ħasil tal-flus. Leone Ganado qal li jekk ikun hemm imqar dell ta’ allegazzjonijiet, Delia għandu jissospendi ruħu sakemm l-investigazzjoni tiċċara ruħa. Qal li dan għandu jsir fuq prinċipju ta’ etika.

Il-filmati dwar Delia

Dwar il-filmati li ttieħdu ta’ Adrian Delia li bdew iduru fuq il-WhatsApp, Leone Ganado qal li dawn huma affarijiet privati u li Delia ma kellux jirreżenja abbażi ta’ dawn il-filmati. Mill-banda l-oħra qal li jekk fil-Qorti jkun hemm xi “dell” ta’ vjolenza domestika, Delia mbagħad ikollu jirreżenja.

Azzopardi rrepeta dak li diġà qal Delia, jiġifieri li huwa stramb kif f’daqqa waħda sar jaħsel il-flus, jieħu d-drogi, u jsawwat lill-mara. Skont Azzopardi, hemm min ma jiflaħx jara li Delia ġie elett bħala l-kap tal-partit. Żied jgħid li min hu favur id-demokrazija għandu jaċċetta lil Delia bħala kap.

Fi kliem Azzopardi, hemm min fl-arugmenti dwar Delia qed jinsa lill-mara tiegħu, Dr Nicole Vella de Fremeaux. Qal li jaf “kemm hi mara sew” li temmen fil-ġustizzja soċjali u li tgħin lin-nies mill-qalb. Spjega li l-mara ta’ Delia wkoll tkun qed tweġġa’ b’dak li jkun qed jiġri.

Mistoqsi jekk għandux fiduċja fil-qrati, Leone Ganado qal li m’għandux. Dwar l-aġenzija tal-Gvern ta’ kontra l-ħasil ta’ flus (FIAU) qal li tonqoslu l-fiduċja għax qal li jkun hemm każi ta’ rapporti tal-FIAU li jispiċċaw quddiem il-Pulizija u jibqgħu fil-kexxun. Fakkar fil-kumment tal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna li kien qal li jista’ jkun li xi rapporti tal-FIAU nkitbu biex jiġu leaked. Leone Ganado qal li dan ifisser li lanqas il-Ministru stess ma jafda lill-FIAU.

Peppi Azzopardi qal li ma kellux informazzjoni dwar dak li qed tagħmel il-pulizija. Spjega li meta intervista lil Delia fuq il-programm tiegħu u staqsih dwarha, Delia qallu li ħadd ma bagħat għalih biex jiġi interrogat. Azzopardi qal ukoll li jista’ jkun il-każ li xi persuna tkun qed tiġi investigata mingħajr ma biss tkun taf.

Leaks mill-PN

Azzopardi qal ukoll li mhux sew li jiġu leaked diskussjonijiet interni tal-PN. Leone Ganado qal li ma jaqbilx mal-leaks però qal li dawn l-affarijiet ilhom isiru. Żied jgħid li jemmen li dawk in-nies li kienu s-sors tal-leaks qabel ma kien hemm Delia huma l-istess nies responsabbli tal-leaks li qed isiru llum. Leone Ganado qal ukoll li meta kien  jokkupa l-kariga ta’ ċerpersin kien hemm każi fejn hu stess kien is-sors ta’ leak.

Leone Ganado qal li mhux il-każ li l-attakki kontra Delia bdew għax qed jitkellem fuq il-korruzzjoni.

“Kemm rajna meetings u rallies fit-toroq? Kemm rajnihom joħoġru ‘il barra mill-parlament?” staqsa Leone Ganado. Qal li filwaqt li barra minn Malta wieħed jara l-protesti, dan mhux il-każ f’Malta.

Leone Ganado kkritika wkoll lil Delia dwar kif aġixxa meta ħarġu l-konklużjonijiet tar-rapport dwar Egrant. Qal li għaġġel wisq u li uża l-opportunità biex idgħajjef il-pożizzjoni tal-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Dwar il-konklużjonijiet tar-rapport dwar Egrant Azzopardi qal li l-konklużjonijiet kienu ċari. Leone Ganado ma qabilx u li kollox iħoll u jorbot fuq it-tim ta’ persuni li kienu qed jgħinu lill-Maġistrat.