Nhar it-Tlieta il-Kulleġġ Santa Margerita ser ikun qed jilqa’ lis-Sur Charles Vella mil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex jgħinhom fit-tħejjija tagħhom għal assemblea “#YEYSturns10: Ivvota għall-futur!” li ser issir fi Brussel f’Marzu li ġej.

Il-Kulleġġ Santa Margerita f’Bormla huwa wieħed minn 33 skola minn madwar l-Ewropa li ser jiġu Brussell fil-21 u 22 ta’ Marzu li ġej biex jiddiskutu il-fehmiet, it-tamiet u l-istennijiet tagħhom dwar l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss. Se jressqu tliet proposti li jirrappreżentaw il-prijoritajiet ewlenin tal-ġenerazzjoni tagħhom sabiex jiġu indirizzati mill-Parlament Ewropew. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ser jiżgura li dawn il-proposti jaslu għand dawk li jfasslu l-liġijiet.

It-33 skola ġew magħżulin biex jipparteċipaw f’din l-inizjattiva permezz ta’ selettur tal-ismijiet elettroniku. Ser ikunu involuti skola waħda minn kull wieħed mit-28 Stat Membru tal-UE u l-ħames pajjiżi kandidati (l-Albanija, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija). Għal dan l-10 anniversarju ntbagħtu rekord ta’ 1038 applikazzjoni.

Imsejjaħ “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek!” (YEYS), dan l-avveniment huwa organizzat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), il-vuċi tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew, u huwa l-avveniment emblematiku tal-KESE għaż-żgħażagħ. Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-KESE għandu l-għan li jiżgura li l-fehmiet, l-esperjenzi u l-ideat tal-ġenerazzjoni żagħżugħa jiġu kkunsidrati fit-tfassil tal-politika tal-UE.

 Aktar dettalji dwar YEYS2019 huma disponibbli fuq il-paġna uffiċjali tal-avveniment, u tista’ tara l-filmat “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” 2018 hawn.