L-immigranti abbord il-bastiment Lady Sham jinsabu trawmatizzati u qed jibżgħu jinżlu minn fuq id-dgħajsa f’pajjiżhom il-Libja, skont Alarm Phone fuq Twitter.

Alarm Phone tirraporta dwar dgħajjes ta’ immigranti u oħrajn li jkunu fil-periklu li jitilfu ħajjithom fuq il-baħar.

Ilbieraħ, awtoritajiet u Gwardji tal-Kosta tal-Italja kkonfermaw li bastiment tal-merkanzija salva għadd ta’ immigranti mill-għarqa, iżda kien jidher li hemm ċans li dawn jispiċċaw jintbagħtu lura l-Libja, minn fejn kienu qed jaħarbu.

AQRA: Immigranti salvati mill-għarqa; se jintbagħtu lura “l-infern”?

Dan ġie kkonfermat iżjed tard, hekk kif lil dawk abbord qalulhom li se jkunu neżlin l-Italja, biex imbagħad qalulhom li se jerġgħu jintbagħtu lura l-Libja. Apparti 60 mara li hemm abbord il-bastiment, fejn hemm ftit li huma tqal, hemm ukoll xi minuri.

Newsbook.com.mt ikkuntattja lill-Alarm Phone għal aġġornamenti dwar in-nies abbord il-bastiment.