Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qed jipproponi li jinħatar Magistrat, magħżul mill-President, li xogħlu jkun biss li jinvestiga, jiġġieled u jmexxi hu stess kawżi eventwali ta’ korruzzjoni u li jkollu s-saħħa li jibda l-investigazzjonijiet hu stess  mingħajr ma jistrieħ fuq il-Pulizija.

Waqt l-aġġornament parlamentari llejla, Dr Azzopardi qal li kien il-Prim Imħallef Emeritu Vincent Degaetano li dan l-aħħar ġibed l-attenzjoni tal-awtoritajiet li l-Maġistrat inkwirenti jiddependi fuq il-Pulizija u fl–istess ħin irid ilaħħaq mal-volum ta’ għexieren ta’ inkjesti oħra, mijiet ta’ kawżi tad-distrett, kumpilazzjonijiet u xogħol tal-għassa fost l-oħrajn.

Huwa qal li l-bżonn ta’ Maġistrat Inkwerenti joħroġ ukoll mill-kuntratt tal-Vitals Global Healthcare (VGH) li sejjaħ korrott.  Qal li kuntratt ta’ €2 biljuni ma wassalx għal investigazzjoni kriminali.

Waqt l-aġġornament, Azzopardi daħal fid-dettall tal-każ u semma kif l-kuntratt ingħata lill-VGH li ma kellha l-ebda esperjenza mkien fid-dinja fil-qasam tas-saħħa. Żied jgħid li fuq dan il-kuntratt ħarġu dawk li sejjaħ fatti inkwetanti, u li fi kliemu ma kinux joħorġu kieku ma kienx għall-midja indipendenti.

Stqarr li dawn jagħtu lok “li l-Ministri Konrad Mizzi, Chris Cardona u Edward Scicluna, wettqu jew kienu kompliċi fost oħrajn fi frodi, korruzzjoni u ksur tas-sigriet professjonali.

Jason Azzopardi insista li għal dawn ir-raġunijiet “altru milli għandna bżonn maġistrat li xogħlu jkun biss li jinvestiga, jirċievi rapporti u jmexxi l-akkużi ta’ korruzzjoni u tixħim”.