Il-ġurnalist Manuel Delia kien jikteb artikli f’isem Adrian Delia qabel dan tal-aħħar ma laħaq Kap tal-Partit Nazzjonalista, skont ma qal l-kap tal-midja tal-Partit Nazzjonalista Pierre Portelli fil-Qorti t-Tlieta.

Portelli kien qed jixhed f’libell li Manuel Delia fetaħ kontra l-editur tal-Media.Link, il-kumpanija tal-midja tal-Partit Nazzjonalista, Robert Cremona.

Il-midja tal-Partit Nazzjonalista kienet irrifjutat li ġġib risposta mibgħutha fi stqarrija minn Manuel Delia għal storja li kien ġab l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista. Deċiżjoni li kienet meħudha minn Portelli stess, skont ma xehed fil-Qorti.

Portelli spjega kif qal infurmawh dwar l-istqarrija li bagħat Delia bħala dritt ta’ risposta dwar storja ta’ Net li fiha kienu qalu li Delia kien żbaljat meta qal li l-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista kien ivvotta favur il-liġi li se tħalli l-kultivazzjoni tal-kannabis issir f’Malta.

Fi artiklu ieħor, Delia kien argumenta li huwa kien biss irrapporta dwar kif Adrian Delia kien qata’ fil-qasir id-dibattitu fil-grupp parlamentari dwar is-suġġett u naqas milli jiddikjara l-kunflitt ta’ interess tal-mara tiegħu u xi ħadd ieħor viċin tiegħu li kellhom interess fis-settur.

Portelli fix-xhieda tiegħu spjega wkoll li huwa kien ilu jaf lil Manuel Delia minn żmien l-Università u kien talbu biex jikteb numru ta’ artikli. Spjega wkoll kif kien offrielu l-irwol ta’ editur iżda dan ma aċċettax għax talab id-doppju ta’ dak li offrielhu Portelli.

Skont ma xehed Portelli huwa kien talab lil Manuel Delia biex jikteb artikli f’isem Adrian Delia bejn Awwissu u Settembru tal-2017 waqt il-kampanja għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Manuel Delia jisħaq li dak li qal Portelli kien biex “jiskreditah”

Fil-blogg tiegħu, Manuel Delia ta l-verżjoni tiegħu ta’ dak li ntqal fil-Qorti minn Portelli. Huwa saħaq li l-midja tal-PN kienet irrifjutat milli tikkoreġi dak li kienet irrapurtat. Saħaq li dak li xehed Portelli ma kienx relatat mal-każ u li kien attent minn Portelli biex “jiskreditah”. Kompla jgħid li huwa kien jikteb artikli ta’ opinjoni f’isem Delia għal żewġ gazzetti lokali. Saħaq li Portelli kien avviċinah biex jidħol lura fil-PN, b’Delia jgħid li ma kienx interessat jmur lura għax kien kuntent bli qed jagħmel. Spjega li dan kien għamlu bħala pjaċir lil Portelli li kien ilu jaf mill-Università.

Manuel Delia spjega li huwa kien iddejjaq f’nofs kampanja tant li kien qal li Portelli stess li jekk xi darba għad imur lura għall-politika mhux se jikkunsidra qatt jaħdem ma’ Delia. Skont Manuel Delia, Portelli kien saqsih biex jikteb għal Adrian Delia wara li dan tal-aħħar laħaq kap. Delia qal li bejn iż-żmien li kiteb għal Adrian Delia u wara li dan laħaq Kap, il-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia sfat assassinata.