Luke Zerafa

L-attur John Suda ma jistax jgħallem iktar hekk kif ittiħditlu l-liċenzja permanenti ta’ għalliem. F’avviż li ħareġ fil-Gazzetta tal-Gvern illum, il-Ministru tal-Edukazzjoni ħabbar li Suda m’għadux jikkwalifika bħala għalliem.

F’Ottubru li għadda Suda kien instab ħati ta’ attakk vjolenti indiċenti fuq attriċi ta’ 22 sena fl-2015 u ngħata sentenza sospiża. Suda kien akkużat ukoll li żamm lill-attriċi kontra r-rieda tagħha f’kamra fil-Fgura. Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti kienet qalet li li kieku veru ried jgħallimha, kien jinfurmaha bil-proċess involut minn qabel. Suda ngħata sentenza ta’ 12-il xahar ħabs sospiża għal sentejn. Hu ma nstabx ħati li żamm lill-attriċi kontra r-rieda tagħha. Dan għaliex terzi kellhom ċavetta għall-kamra u li min kien f’sular differenti kien ikun kapaċi jisma’ xi jkun qed jiġri fil-kamra li fiha kien hemm Suda u l-attriċi.

AQRA: L-attur John Suda jinstab ħati; Sentenza sospiża

Suda kien ingħata warrant biex jgħallem id-drama 40 sena ilu, iżda dan ġie mħassar b’mod immedjat illum, 3 xhur wara li nstab ħati. Skont l-avviż tal-Gvern Suda kien detentur tal-warrant permanenti ta’ għalliem numru 2719.