L-eks-Kap tal-Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola qal f’filmat li x-Xgħajra li ddeskriva bħala parti ta’ Malta li hija “bellezza”, jaf jasal żmien li nitilfuha.

Cassola spjega kif rapport tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi juri li x-Xagħjra huwa fost is-sitt postijiet imsemmija fejn tista’ ssir reklamazzjoni tal-art. Din hija l-estensjoni tal-art sabiex takkomoda aktar bini li jmorru għaliha pajjiżi li jkollhom popolazzjoni li dejjem qed tikber u nuqqas ta’ spazju biex tospitaha. Tintuża wkoll bħala mod sabiex l-iskart tal-kostruzzjoni jsir użu minnu.

Cassola semma kif il-Gvern Malti huwa favur ir-reklamazzjoni tal-art, iżda jidher li l-post preferit għalih huwa ż-żona magħrufa bħala Qalet Marku f’Baħar iċ-Ċagħaq. Sostna li bħax-Xgħajra din iż-żona hija inaċċettabbli.

Insista li r-reklamazzjoni tal-art se tgħarraq il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Spjega li dawk kollha li joqgħodu faċċata tal-baħar bħalissa, jaf jispiċċaw b’torrijiet u bini quddiemhom ġo nofs il-baħar u kawża ta’ dan tkompli tiġi mgħarrqa n-natura u l-biodiversità.

Sostna li r-radam kollu li se joħroġ mill-mina t’Għawdex, il-proġett tal-Grupp db u dak tal-Corinthia Group se jispiċċa fil-baħar. Cassola insista li n-nies tax-Xgħajra jixraqilhom aħjar, u mhux huma bissa, imma l-maltin kollha.