Matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet, GO ħadmet bla waqfien sabiex tiżgura li l-klijenti jkollhom l-inqas inkonvenjent wara li kuntrattur li kien qed jagħmel xi xogħol, mhux relatat ma’ GO b’aċċident laqat numru ta’ fibre cables ta’ GO fis-Siġġiewi, b’konsegwenza li mijiet ta’ djar fis-Siggiewi u l-lokalitajiet tal-madwar spiċċaw mingħajr broadband, TV u servizzi tat-telefon.

Għalkemm il-kundizzjonijiet biex taħdem kienu diffiċli u t-temp kien ħażin, GO mill-ewwel bagħtet it-tim tekniku fuq il-post u qabbdet kuntratturi oħrajn biex flimkien, iħaffu l-proċess. Dawk kollha involuti, ħadmu matul il-lejl kollu u matul il-Ħadd, jikxfu l-pajpijiet u jpoġġu n-network cables kollha biex ikunu jistgħu ireġġgħu is-servizzi kollha lura għan-normal fl-iqsar żmien possibbli.

Is-CEO ta’ GO Nikhil Patil qal li GO tifhem il-frustrazzjoni tal-klijenti u tirringrazzjhom tal-paċenzja li kellhom jieħdu. Huwa qal ukoll li “dawn il-ħsarat ma nistgħu qatt nantiċipawhom u għalhekk diffiċli li wieħed jippjana għalihom. Għalhekk, meta jseħħu, kulħadd imidd idu għax-xogħol biex il-klijenti tagħna jbatu mill-inqas.”

Inċidenti bħal dawn ikunu jirrikjedu tim multi-dixxiplinarju biex jaħdem lejl u nhar sabiex jirrestawra s-servizzi u fl-istess ħin, iżomm lill-klijenti l-ħin kollu aġġornati. Il-call centre ta’ GO ma waqafx, fejn matul dawn l-aħħar jiem, 70 aġent ħadu ħsieb 4700 telefonata bejniethom.

Matul il-ġranet li ġejjin, GO se tkun qed tikkomunika mal-klijenti kollha li kienu milquta b’ġest bħala kumpliment għall-inkonvenjenza kkawżata lilhom.