Burger King Malta bdiet tadotta l-Moviment Mingħajr Straws fis-sitt stabbilimenti tagħha minn Jannar tal-2019. Din l-inizjattiva hi parti mill-isforz ta’ Burger King li tnaqqas il-plastik li jintuża darba biss fil-ħwienet tagħha.

Burger King Malta ħasset il-ħtieġa li tagħti sehemha flimkien ma’ numru ta’ pajjiżi oħrajn. Kull qatra tgħodd, u Burger King se tnaqqas l-użu tal-plastik ma’ kull straw li ma tagħtix. Meta tmur tiekol għand Burger King, m’intix se tingħata iżjed straw u għatu tal-plastik mat-tazzi tax-xorb fir-restorant, jekk ma titlobhomx. L-għatu u l-istraw ser ikomplu jingħataw mat-tazzi tax-xorb li jittieħdu mal-ikel ‘take-away’ għal raġunijiet prattiċi. Burger King tħeġġeġ lill-klijenti tagħha biex jingħaqdu magħha f’dan il-vjaġġ importanti b’risq il-ħarsien tal-ambjent.

Kurt Micallef, il- Business Manager ta’ Food Chain, huwa sodisfatt li Burger King Malta nediet din il-kampanja. Huwa qal “peress li aħna noperaw waħda mill-marki ewlenin ta’ restoranti b’servizz mgħaġġel, ħassejna li kellna nagħmlu xi ħaġa biex intaffu l-impatt diżastruż li qed ikollu l-plastik fl-ambjent. Il-klijenti tagħna xorta waħda jistgħu jitolbu straw, imma qed ninnutaw li ħafna minnhom qed ikunu lesti jingħaqdu magħna bħala tim biex flimkien ngħinu l-ambjent tal-pjaneta tagħna bi straw inqas kull darba.”

Il-marka Burger King hi operata f’Malta minn Food Chain Limited, membru tal-Grupp Farsons, u għandha l-istabbilimenti tal-ikel tagħha l-Belt, Paceville, Tas-Sliema, il-Mosta, Ħal Qormi u l-Ajruport.