Il-footballer nieqes Emiliano Sala qed jiġi rrappurtat li bagħat messaġġ lill-familja tiegħu fejn qal li kien fuq ajruplan li jidher li kien qed jaqa’ biċċiet.

Il-midja fl-Arġentina qed tirrapporta li Sala li għandu 28 sena ħalla messaġġ fuq WhatsApp lill-maħbubin tiegħu fejn sostna li jinsab “imbeżża’”. Sala kien wieħed minn żewġ persuni fuq ajruplan li kien sejjer lejn Cardiff li ilu ma jidher fuq ir-radar mit-Tnejn filgħaxija.

Plejer ta’ Cardiff City fuq ajruplan mitluf

Il-Pulizija ta’ Guernsey qalu lbieraħ filgħaxija li t-tiftix kemm bl-ajruplani kif ukoll bid-dgħajjes għadu għaddej, madanakollu ma nstabet l-ebda traċċa tal-ajruplan. Il-ħaddiema ta’ salvataġġ koprew mas-725 metru kwadru.

Sala li jilgħab bħala attakkant kien fi triqtu sabiex jibda kapitlu ġdid fil-karriera tal-football fil-klabb tal-Premier ta’ Cardiff City. Il-klabb kien nefaq fuqu somma rekors ta’ €17.1 miljun.