Facebook - Michela Pace

Il-kantanta Michela Pace rebħet l-ewwel edizzjoni tal-kompetizzjoni tal-kant X Factor Malta.

Għall-ħabta tad-9 pm bdiet is-serata finali ta’ X Factor Malta. L-erba’ finalisti dehru fis-sala fl-introduzzjoni tas-serata li bdiet b’numru ta’ kanzunetti ta’ Queen.

Il-finali tant mistennija tal-programm X Factor Malta fl-aħħar waslet, b’4 parteċipanti jikkompetu biex ikunu r-rebbieħa tal-kompetizzjoni, li parti mill-premju tagħhom ikun li jmorru jirrappreżentaw lil Malta fil-Eurovision Song Contest fl-Iżrael.

L-erba’ finalisti huma Nicole Frendo, Michela Pace, Petra u Owen Leuellen, li lkoll qalgħu ħafna tifħir tul il-kompetizzjoni, u kisbu bosta ammiraturi. Huma ntgħażlu bħala finalisti fil-programm tal-Ħadd li għadda.

Jitħabbru l-4 finalisti ta’ X-Factor Malta

Petra kantant l-ewwel fejn interpretat You Don’t Own Me orġinarjament kantata minn Lesley Gore. Wara kantant Nicole Frendo – Russian Roulette ta’ Rihanna.

Wara kien imiss lil Owen Leuellen b’kanzunetta oriġinali. Il-membru tal-ġurija Ira Losco qalet li kien hemm xi diffikultajiet tekniċi qabel ma’ beda jkanta Leuellen. Fl-aħħar kantat Michela b’Total Eclipse of the Heart minn Bonnie Tyler.

Petra nqalgħet mill-kompetizzjoni wara l-ewwel rawnd.

Fl-aħħar ġranet, kienu għaddejjin il-provi għall-programm tal-lejla, li żarhom anke l-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici.

Newsbook.com.mt staqsa lill-pubbliku fuq Facebook min jaħseb li se jirbaħ, u għal dan l-istħarriġ ikkummentaw kważi elf persuna. Minn kampjun tal-kummenti, jidher li l-aktar għażla popolari hi Michela bi 42%, segwita b’Petra bi 30% u Nicole u Owen b’14% kull wieħed. Kien hemm min issuġġerixxa wkoll li ssir kollaborazzjoni bejn Owen u Petra jew Owen u Michela għall-Eurovision.

Filmati tal-kantanta Għawdxija Michela Pace dehru darbtejn fuq il-paġna X Factor Global, u ntlaqgħu tajjeb ħafna mid-dinja kollha.

Tfajla Għawdxija tispiċċa fuq X-Factor Global

Filmat: “Int turi li l-X Factor joħloq superstars”; it-tfajla Għawdxija terġa’ tagħmilha

Nicole Frendo, li hija l-iżgħar mill-finalisti, ukoll dehret fuq X Factor Global fejn qalgħet eluf ta’ likes, kummenti pożittivi u kumplimenti.

Kantanta oħra ta’ X-Factor Malta timpressjona lid-dinja

Petra, li mhix ġdida mal-udjenza Maltija, peress li ġieli pparteċipat fil-Malta Song for Europe, tfaħħret mill-ġurija, b’mod partikolari mill-kantanta Ira Losco waqt il-finali tal-ġimgħa li għaddiet, talli qasmet l-esperjenzi personali tagħha mal-pubbliku u ħalliethom isaħħuha, u mhux itellfuha.

L-għażla għall-ġimgħa tat-Throwbacks tar-rapper tal-kompetizzjoni, Owen Leuellen, intogħġbot sew, kemm mill-udjenza lokali, u anke dik internazzjonali, wara li l-filmat tiegħu fuq X Factor Global kiseb iżjed minn elfejn like.

Il-kantanti kollha jkollhom xi ħadd mill-ġurija li jgħinhom u jmexxihom, u Nicole u Michela għandhom lil Howard Keith Debono, Petra għandha lil Ray Mercieca u Owen għandu lil Ira Losco.

Jekk int imħajjar tieħu sehem f’X Factor li jmiss, tista’ tapplika billi tibgħat messaġġ bid-dettalji personali tiegħek u filmat qasir ta’ minuta tkanta. Aktar dettalji jistgħu jinkisbu minn fuq il-paġna uffiċjali ta’ X Factor Malta.

X Factor Malta ħabbar it-tieni edizzjoni tal-kompetizzjoni