Studji li saru matul is-snin jissuġġerixxu li persuni li għandhom ħbiberiji sodi jgħixu ħajja itwal. Madanakollu, bħar-relazzjonijiet intimi, il-ħbiberiji jaf ikollhom mumenti inkwetanti, u saħansitra jistgħu jsiru tossiċi jew ‘ivvelenati’.

Wieħed jista’ jinduna li qiegħed fi ħbiberija tossika billi jevalwa s-sinjali li qed ikun suġġett għalihom. Dawn huma s-sinjali li minħabba fihom wieħed jista’ jqis il-ħbiberija li qiegħed fiha bħala tossika:

  1. L-għira – minkejja li xi ftit kompetizzjoni bejn il-ħbieb hija normali u ġieli anke pożittiva meta din issir vjolenti u eċċessiva wieħed għandu għaliex jinkwieta. Ħbieb vera jkunu ta’ sapport għalik anke fi żminijiet meta forsi tkun f’sitwazzjoni aħjar minnhom.
  2. Jekk ma jġiegħlukx tħossok sigur – jekk dejjem titlaq minn magħhom tħossok ħażin bik innifsek jew tispjega lilek inniffsek għaliex għadek ħbieb ma’ din il-persuna, mela jfisser li wasal iż-żmien li tieħu pass lura.
  3. Li tieħu qata meta tara messaġġ mingħandhom – jekk il-persuna ttik qatgħa meta tibgħatlek messaġġ, jew inkella ma tkunx kuntent li se tiltaqa’ magħhom, staqsi lilek innifsek għala.
  4. Li tkun il-ħin kollu attent meta tkun magħhom – jekk tħoss li trid toqgħod attent għal kull kelma li tgħid jew kull pass li tagħmel.
  5. Jekk ma jieqfux jikkritikawk – jekk ħabib jew ħabiba moħħha biex tiġġudikak tista’ tkissrek moralment.
  6. Jekk qatt ma jistaqsuk dwarek – jekk il-konversazzjoni kollha tinvolvi lilhom jitkellmu dwar ħajjithom, mela hawn problema. Dan ma japplikax jekk persuna tkun għaddejja minn perjodu diffiċli f’ħajjitha.
  7. Jieħdulek l-enerġija kollha tiegħek – relazzjonijiet b’saħħithom iħalluk tħossok emozzjonalment sodisfatt. Dawk tossiċi jħalluk tħossok bla enerġija.
  8. Ma tafdahomx – fi ħbiberija, huwa importanti li tkun tafda lill-persuna l-oħra. Jekk ma jirnexxilekx tafda mela għandek problema.
  9. Kull ma jiġri, jiġri b’mod drammatiku – jekk il-persuna li ssejjaħ ħabib moħħu biex kull sitwazzjoni jagħmilha waħda drammatika u jdeffes lilek f’kull problema, aħsibha darbtejn.
  10. Jibqgħu jippruvaw ibiddluk – din tapplika għal persuni li moħħom biex ibiddlu l-mod kif inti tidher u jaħbuha fid-dawl ta’ “pariri amikevoli”.