L-attakkant ta’ Nadur Youngsters, Marcelo Barbosa rebaħ l-unur tal-BOV GFA Plejer tax-xahar għal Diċembru 2018.

Barbosa, ta’ 27 sena, ingħaqad ma’ Nadur Youngsters mingħand Għarb Rangers matul is-suq tat-trasferimenti fis-sajf li għadda. Bla dubju huwa kien l-aqwa plejer fil-grawnd minkejja t-telfa ta’ 4-0 li Nadur sofrew kontra Birkirkara fit-tielet rawnd tal-FA Trophy, kif ukoll fir-rebħa ta’ 4-3 fuq Victoria Hotspurs fil-kwarti tal-finali tal-kompetizzjoni Knock Out tal-ewwel diviżjoni.

Huwa skorja wkoll il-gowl importanti fir-rebħa ta’ 3-2 kontra Għajnsielem fil-Kampjonat BOV tal-Gozo Football Association u kien l-awtur tal-gowl li fetaħ l-iskor fir-rebħa ta’ 3-1 kontra Sannat Lions fil- BOV GFA Cup.

Horace Laudi, il-Kap Eżekuttiv Reġjonali għal Għawdex tal-Bank of Valletta ppreżenta t-trofew tal-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Diċembru 2018 lil Marcelo Barbosa, li minn naħa tiegħu għażel lill-Fondazzjoni Arka biex jibbenefikaw mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.