Paul Aquilina huwa l-mistieden ta’ Frederick Zammit waqt Nitfa Kultura biex jitkellem dwar il-produzzjoni Min Hu l-Aqwa Jħawwel li l-kumpanija teatrali Dun Mikiel Xerri se ttella’ fil-ġranet li ġejjin. L-istorja ta’ din il-kummiedja teħodna lura f’nofs is-seklu l-għadda, u hi ambjentata kollha kemm hi fil-ħanut ta’ Girgor, ħanut tal-inbid fejn kienu jgħaddu ż-żmien l-irġiel li ma kienx ikollhom x’jagħmlu, f’dak iż-żmien. Imma fil-ħanut ta’ Girgor kienu jseħħu bużullotti li ma kontx issibhom fi ħwienet oħra. Ir-raħal kollu kien mimli ħallelin, wieħed jisraq lil ieħor bla rispett ta’ xejn. Il-perċimes fosthom kien in-Nutar, Ewgenio Xriħa, li f’kull testment li jagħmel dejjem ibill subgħajh.