Il-politika ta’ one-size–fits all fit-tassazzjoni tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea (UE) ma tistax tiżgura l-ugwaljanza bejn is-sessi. Dan qalu il-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant f’intervent dwar ir-rapport ‘Ugwaljanza bejn is-sessi u l-politika ta’ tassazzjoni fl-UE’. Huwa żied jgħid li l-politika ta’ tassazzjoni trid taqbel mal-istrutturi soċjali u familjari ta’ kull stat membru tal-UE.

Sant ivvota favur ir-rapport li jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi, iżda esprima r-riżervi tiegħu fuq il-fatt li l-istess rapport jissuġġerixxi ċertu miżuri li jimminaw is-sovranita` tal-istati membri fuq it-tassazzjoni. Waqt diskors li għamel dwar dan ir-rapport, hu qal li l-politika tat-tassazzjoni tista’ tkun għodda importanti li tintuża għal ekwita` soċjali u konsegwentement biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Ir-rapport jindirizza wkoll il-kwistjoni tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi. Id-diskriminazzjoni fil-pagi, għalkemm kienet illegali, kompliet tikkontribwixxi għal differenza tal-pagi bejn is-sessi fl-2019 fl-UE. Ir-rapport għadda b’313 voti favur, 276 kontra u 88 astenzjoni.