DOI - Kevin Abela

Il-Gvern ħabbar id-dħul fis-seħħ ta’ benefiċċju ġdid tal-kera ta’ residenzi privati li se jieħu post is-sussidju eżistenti. Permezz ta’ dan is-sussidju ġdid se jogħlew ir-rati u b’hekk persuna waħidha li qabel setgħet tieħu massimu ta’ €1,600 fis-sena, issa tista’ tieħu massimu ta’ €3,600. Żewġ adulti mingħajr tfal li qabel setgħu jieħdu massimu ta’ €1,900 fis-sena, issa jistgħu jibbenefikaw sa €3,600. Koppji bit-tfal u ġenitur wieħed b’wild wieħed ukoll raw żieda ta’ bejn €2,800 u €3,000 fuq dak li kienu jieħdu qabel.

L-Awtorità tad-Djar se tiddetermina l-ammont ta’ benefiċċju li se jingħata fuq bażi individwali u dawk kollha li diġà qed jirċievu s-sussidju se jirċievu l-benefiċċju l-ġdid mingħajr bżonn ta’ applikazzjonijiet ġodda.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna spjega li m’għadux iż-żmien li l-gvern jikkontrolla l-kirjiet, madanakollu introduċa skema li tgħin lil min qed jikri fejn joqgħod. Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes spjega li permezz tal-benefiċċju l-ġdid il-gvern qed jgħin tassew biex wieħed jgħix aħjar. Żied jgħid li fil-preżent se jkunu 1,800 familja li se jibbenefikaw minn dan it-tisħiħ fil-benefiċċju bl-ammont jista’ jkompli jiżdied permezz ta’ applikanti ġodda.

Il-benefiċċju l-ġdid se jalloka wkoll €125 addizzjonali fis-sena lil familji li jkollhom xi membru li jkun ibati minn xi diżabilità u €125 addizzjonali fis-sena lil familji b’aktar minn 5 membri. Familji li jkollhom jgħixu magħhom tfal fostered se jingħataw €300 addizzjonali fis-sena.

Il-Kamra tal-Periti tixtieq tiddiskuti fid-dettal

Il-Kamra tal-Periti qed tittama li tiltaqa’ mas-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes fil-futur qarib sabiex tiddiskuti f’iktar dettall il-proposti l-oħra li kienet għamlet sabiex tippromwovi l-affordabiltà fis-suq tal-kera.

Il-Kunsill tal-Kamra tal-Periti laqa’ b’sodisfazzjoni l-fatt li waħda mir-rakkomandazzjonijiet fir-reazzjoni tagħha għall-White Paper fuq ir-riforma fis-suq tal-kera ġiet introdotta. Il-Kamra spjegat iżda li l-Gvern għandu josserva mill-qrib l-effetti ta’ din ir-riforma fuq is-suq tal-kera b’mod kontinwu sabiex ikun jista’ jaġġusta l-bilanċ bejn l-affordabiltà u l-inflazzjoni tal-kera.

Awdjo: Kera regolata tfisser aktar spejjeż – Kamra tal-Periti