Xjentisti Iżraeljani qed jgħidu li jinsabu fit-triq sabiex isibu l-kura għall-kanċer, tant li qed jgħidu li l-ewwel kura kompleta għall-kanċer se tkun f’idejhom fi żmien sena. Dan ġie rrappurtat f’The Jerusalem Post propju nhar it-Tnejn li għadda.

Is-sit Forbes spjega kif huma qed jgħidu wkoll li mhux talli din il-mediċina se tikkura l-kanċer, iżda se tkun irħisa, wieħed jirċeviha għal żmien qasir u se tkun effettiva. Sostnew ukoll li għandha effetti sekondarji minimi.

Iċ-Ċermen tal-bord ta’ Accelerated Evolution Biotechnologied Ltd., kumpanija li bdiet fis-sena 2000, sostna li jemmen li l-kura tal-kanċer hija fil-qrib. Madanakollu bosta huma xettiċi u qed jinsistu li kulħadd għandu jżomm f’moħħu li dawn hemm ċans jaslu f’punt fejn jirrealizzaw li dak li ħasbu li seta’ jfejjaq il-kanċer, mhux il-kura li hemm bżonn.

Il-kritiċi spjegaw li dawn ix-xjentisti qed jagħmlu t-testijiet tagħhom fuq ġrieden. Sostnew li ma għandhom l-ebda programm stabbilit u kull ma qed jagħmlu huma esperimenti. Minkejja dan sostnew li jittamaw li l-kura għall-kanċer tinstab kemm jista’ jkun malajr.