Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) qed tħeġġeġ iktar nisa biex joħorġu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej.

Fi stqarrija, l-NCPE stqarret li s’issa madwar 30% tal-kandidati għall-Parlament Ewropew huma nisa. Għalkemm tikkunsidra dan bħala titjib sinifikanti mill-aħħar elezzjoni ġenerali, l-NCPE tisħaq li Malta għadha ‘l bogħod biex tilħaq bilanċ fil-ġeneru fil-listi tal-kandidati.

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-elettorat Malti diġà qed japprezza l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika, għax kif ġie osservat fil-passat, in-nisa għandhom bejn wieħed u ieħor l-istess ċans daqs l-irġiel biex jirnexxu. Madanakollu saħqet li l-partiti politiċi għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jinkoraġġixxu lin-nisa jipparteċipaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ din is-sena.

Elaborat li l-partiti għandhom jiżguraw li n-nisa għandhom aċċess ugwali għar-riżorsi u jingħataw viżibilità fil-midja. L-NCPE insistiet li Malta għandha tistinka biex iżżomm ir-rappreżentanza ugwali ta’ nisa u rġiel membri parlamentari ewropej li hemm bħalissa, u b’hekk tikkontribwixxi għall-Parlament Ewropew b’iktar bilanċ bejn is-sessi.