‘Leħħiet Imdemmija’ huwa proġett organizzat mill-istudenti u mill-għalliema tal-Istitut Sir Michelangelo Refalo Sixth Form, ir-Rabat Għawdex.

Ittellgħet serata fis-sala tal-Ministeru għal Għawdex li ġiet organizzata biex tikkommemora l-anniversarju tal-mitt sena tal-Ewwel Gwerra Dinjija u l-ftuħ tal-Peace Conference f’Pariġi. Dan il-proġett edukattiv ġie ffinanzjat mill-Education Plus u appoġġjat mill-Fondazzjoni Valletta 18.

Madwar 28 student u 15–il għalliem tellgħu fil-wiċċ it-tbatija tal-biża’ tas-suldati fit-trunċieri u l-ħruxija tal-gwerra. Is-serata ferm evokattiva ħalltet flimkien id-drama, il-mużika, il-koreografija, l-arti u l-poeżija. F’din is-serata ngħatat importanza lill-ħiliet tal-istudenti fejn ġew esposti u ggwidati mill-għalliema u anke professjonisti oħra sabiex jingħata messaġġ ta’ paċi, b’importanza mogħtija lil Malta bħala ċentru għall-promozzjoni tal-paċi fost in-nazzjonijiet.

Avveniment ieħor kien ‘Gozo is Dada‘ – esebizzjoni tal-arti li ġiet inawgurata mill-Kap tal-Istitut Sir Michelangelo Sixth Form is-Sur Daniel James Cassar. Din l-esebizzjoni ttellgħet mill-istudenti tal-arti li qed jistudjaw l-Arti Viżiva fi ħdan l-istess istitut. Ix-xogħlijiet kollha ġew ispirati mill-Moviment Dada, li nħoloq bħala reazzjoni għall-Ewwel Gwerra Dinjija. Ix-xogħlijiet tal-istudenti ser jiġu esebiti wkoll f’Sir Michelangelo Refalo Sixth Form.

This slideshow requires JavaScript.