Filwaqt li bosta ġenituri jgergru għax uliedhom dejjem mitlufin fuq il-mowbajl, jidher li hemm istanzi fejn il-ġenituri jagħmlu agħar minnhom. Dan kien wieħed mill-ispunti li qamu waqt id-diskussjoni fil-programm Newsline fuq RTK 103FM, fejn Fr Joe Borg u Peppi Azzopardi tkellmu mar-Rettur tal-Kulleġġ ta’ San Alwiġi, Fr Jimmy Bartolo.

Fr Bartolo sostna li l-estrem huwa dejjem ħażin u hemm bżonn limiti meta wieħed jagħmel użu tat-teknoloġija. Sostna li minkejja li l-iskejjel tagħhom huma attrezzati bil-kompjuters u t-teknoloġija neċessarja għall-edukazzjoni, għandhom policy sabiex ma jagħmlux użu mill-mowbajls fil-klassi. Kompla jgħid kif minkejja li l-użu tat-teknoloġija fl-iskola huwa kkontrollat, barra mill-iskola dawn it-tfal jispiċċaw jagħmlu użu eżaġerat, tant li l-kuntatt uman qed imut. Sostna li l-ġenituri jispiċċaw imorru għandhom jgħidu li ma għandhomx mod kif jikkontrollaw lill-uliedhom.

Min-naħa tiegħu, Azzopardi sostna li jkun aħjar jekk wieħed iħares lejn x’qed jagħmlu l-ġenituri u kemm verament dawn ikollhom ċans ikellmu lit-tfal. Sostna li jekk lit-tfal, ħadd ma jkellimhom hija ovvja li dawn se jsibu xi ħaġa oħra x’jagħmlu, u ħafna drabi jispiċċaw fuq il-mowbajl.

Fr Bartolo semma kif l-iskola laqqet kumitat li tkellem fuq dan is-suġġett sabiex jara kif jista’ jeduka kemm lit-tfal u anke lill-ġenituri. Spjega kif kien hemm ġenituri li semmew kif uliedhom jgħidulhom li qatt ma jkollhom ħin għalihom. Sostna li minkejja li t-teknoloġija għandha l-pożittiv tagħha, qed imiss ma’ xi ħaġa li qed ittellef il-kuntatt uman. Spjega li l-problemi jibdew meta t-tfal jitħallew jilgħabu fuq il-mowbajls u t-tablets iljieli sħaħ u jispiċċaw jorqdu fil-klassi.