Simon Debono mill-Federazzjoni għall-Aġenti tal-Propjetajiet spjega kif hemm bosta persuni li spiċċaw jgħixu f’garaxxijiet mingħajr toilets u jispiċċaw iħammġu fi fliexken tal-plastik u jarmuh barra.

Dan kien wieħed mill-ispunti li qajjem Debono waqt diskussjoni ma’ Sergio Mallia fil-programm Follow-Up fuq RTK 103FM. Id-diskussjoni kienet qed iddur madwar artiklu tal-Malta Today li kien żvela li fl-2018, ħarġu rekord ta’ 12,885 permess għal postijiet ta’ abitazzjoni. Dan kiser ir-rekord tal-2007, meta taħt Gvern Nazzjonalista kienu ħarġu 11,343 permess għal postijiet ta’ abitazzjoni wara li daħlet fis-seħħ ir-Rationalisation Scheme.

“Lill-Maltin tfajnihom ‘il barra bħaż-żibel” – Simon Debono

Debono tkellem dwar kif sa ħames snin ilu, Malti kien jikri post fejn jgħix għal madwar €150 jew €200 fix-xahar, illum il-kera telgħet għal €800 u aktar. Sostna li f’irħula bħal San Ġiljan, hemm kirjiet li anke jilħqu l-massimu ta’ €2,000 fix-xahar. Minħabba f’hekk irrimarka li l-Maltin intremew ‘il barra minn darhom bħaż-żibel.

Insista kif dan minħabba li matul l-aħħar tmien snin ġew jgħixu Malta bejn 220,000 u 270,000 barrani, iktar min-nofs tal-popolazzjoni Maltija. Spjega li t-13,000 permess għall-bini jistgħu jospitaw fihom sa massimu ta’ madwar 56,000 persuna. Spjega li din iċ-ċifra ma tkoprix lanqas in-nofs tal-ħaddiema barranin li qed jgħixu u jaħdmu f’Malta. Sostna li minħabba f’hekk, dawn il-persuni qed jieħdu l-postijiet fejn jgħixu l-Maltin, il-kera qed togħla tant li l-poplu Malti mhux ilaħħaq magħha, u kawża ta’ dan bosta familji jispiċċaw jgħixu fil-garaxxijiet.

 “F’dal-postijiet jgħixu l-Maltin u f’dawn il-barranin”

Skont Debono, soluzzjoni għas-sitwazzjoni tal-kera hija li l-bini jiġi kkundizzjonat sabiex ċerti postijiet ikunu jistgħu jinkrew biss mill-Maltin u postijiet oħrajn ikunu jistgħu jinkrew mill-barranin. Sostna li dawn huma prassi normali f’pajjiżi barra minn Malta u insista li b’dan il-mod, ħadd ma jkun jista’ jgħolli l-kera bl-addoċċ.