Meta tkun qed tipprepara platt, żomm dejjem f’moħħok li trid iżżomm regola sempliċi: nofs jew anke terz ta’ dak il-platt, għandu jkun ġej minn ikel li ġej mill-pjanti. Dan qalitu l-esperta fl-ikel u s-saħħa, Profs Suzanne Piscopo.

Il-produzzjoni tal-ikel huwa proċess twil, spjegat Profs Piscopo, liema proċess jiġi affetwat minn diversi miżuri. Il-kwalità tal-ikel tiġi affettwata minn bosta oqsma, mit-tip ta’ ħamrija, mit-tip ta’ ilma li intuża, mill-klima, mill-metodu ta’ produzzjoni u jekk ikunx konvenzjonali jew organiku. Fil-każ tal-ħut, qalet li dawn trid tara inqabdux mill-ibħra, jew inkella humiex mill-akwakultura. Il-kwalità anke titbiddel mill-ipproċessar u bil-mod ta’ kif issajjar l-ikel. Dawn kollha għandhom x’jaqsmu mal-ambjent, minħabba l-modi ta’ kif intuża biex tkabbar l-prodott, u anke li ladarba jiġi kkunsmat l-ikel ħa jaffettwa lill-ambjent.

Profs Piscopo qalet li l-poplu għandu bżonn jimxi fuq dieta mibnija fuq il-pjanti, iżjed milli fuq ikel li ġej mill-annimali. Qalet li billi timxi fuq din id-dieta, hekk msejħa Meditterranja, ma tkunx qed timxi fuq dieta veġiterjana, però tara li tieħu biss darbtejn fil-ġimgħa laħam, ħut jew tiġieġ.

Bosta nies esperti fil-Meditteran jgħidu li l-artijiet u l-ibħra tal-Meditteran huma rikki ħafna. Huwa dejjem importanti li l-ikel li jitkabbar ikun ta’ kwalità, u jkollu l-ammont ta’ sustanzi sew.

Sabiex nimxu ma’ dieta tajba, Profs Piscopo saħqet fuq l-importanza li dejjem għandna nagħżlu ikel kemm jista’ jkun ipproċessat mill-inqas. Qalet li  dan jgħin mhux biss għas-saħħa tal-bniedem, iżda anke għall-ambjent. Meta ikel jiġi pproċessat jintuża ammont ta’ ilma u enerġija. Ħafna drabi ikel proċessat jiġi prodott f’pajjiż u jiġi trasportat f’pajjiż ieħor u b’hekk joħloq tniġġis fl-arja. Fl-istess waqt anke joħloq skart, meta dan jiġi proċessat.