Antoine Borg

Se jinfetaħ partit ġdid f’Malta li se jkun qed jinnomina kandidat wieħed għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej.

Fi stqarrija, il-kandidat Antoine Borg qal li se jkun qed joħloq partit politiku ġdid bl-isem ta’ “Brain, not ego”. Qal li huwa ġdid fix-xena politika, però ilu jippubblika artikli dwar il-ġrajjiet kurrenti fuq sit tiegħu mill-2018.

“Id-deċiżjoni li tohrog ghall-elezzjoni mhix waħda faċli. Bħal ħafna nies jiena xbajt bil-politika partiġġjana li naraw f’Malta. Jien xbajt nistenna l-affarijiet jinbidlu. Issa nagħżel li noffri iċ-ċittadini għażla aħjar fil-elezzjoni din is-sena,” qal Borg.

Borg spjega li ilu dawn l-aħħar 8 snin jaħdem fuq il-programm spazjali Ewropew Galileo. Kellu rwoli fis-sigurtà u fl-istrateġija f’dan il-proġett. Qal ukoll li kellu esperjenza diretta ta’ xogħol mal-Parlament, mal-Kummissjoni Ewropea, u mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Huwa ħadem fis-settur pubbliku u privat f’erba’ pajjiżi Ewropej. Ħadem f’diversi rwoli tekniċi wara li ggradwa b’baċċellerat fil-business u computing fl-1998 mill-Università ta’ Malta.

Skont Borg, il-kampanja elettorali tiegħu se tkun qed turi kif se jirrappreżenta liċ-ċittadini kollha u kif jista’ jgħin lil kulħadd.