Il-Counselor Matthew Bartolo wissa lill-ġenituri sabiex ma jagħtux mowbajl lit-tfal tagħhom. Dan qalu waqt li kien qed jitkellem fil-programm Follow-Up ma’ Fr Joe Borg u Peppi Azzopardi, li xxandar fuq RTK 103FM.

Bartolo kien qed jitkellem dwar spunti li kien qajjem meta ġie intervistat minn inewsmalta.com. Sostna li kien tkellem fud id-differenza bejn il-bżonn ta’ xi ħaġa u x-xewqa li wieħed jikseb xi ħaġa. Insista li meta għandek tifel ta’ tmien snin li qed jitlob lill-ġenituri tiegħu għal mowbajl, hemm bżonn li l-ġenituri jkollhom diskussjoni dwar dan u mhux jaqbdu u jaqtgħu ix-xewqa.

Bartolo sostna li meta wieħed ikollu mowbajl jew tablet, għandu aċċess għal dinja ta’ informazzjoni li tinkludi l-midja soċjali bħal Facebook. Spjega li din il-konnettività kontinwa fiha l-perikli tagħha.

Filmat: “Igergru għax it-tfal fuq il-mowbajl”; “ġenituri agħar minnhom”

Min-naħa tiegħu Peppi Azzopardi rribatta l-argument ta’ Bartolo u insista li ma fiha xejn ħażin li l-ġenituri jirrispettaw ix-xewqa ta’ wliedhom. Bartolo spjega li ma jemminx li hija xi ħaġa ħażina li t-tfal ikollhom mowbajl, ħażin huwa meta r-raġuni wara dan l-akkwist ma tkunx waħda ta’ bżonn iżda biex tissodisfa xi gratifikazzjoni. Spjega kif bħal meta jkunu jridu mowbajl għax sħabhom tal-klassi għandhom wieħed.

“Li hu żgur huwa li t-tfal jimitaw dak li jagħmlu l-adulti” – Azzopardi

Fid-diskussjoni, Azzopardi sostna li minkejja li veru li jkun hemm tfal iqattgħu ħinijiet twal fuq il-mowbajl, anke forsi meta jmorru ġo xi restorant, il-ġenituri wkoll huma ħatja ta’ dan l-aġir. Spjega li t-tfal jimitaw l-atteġjament tal-kbar u mhux dak li jgħidulhom. Azzopardi kompla jgħid li tkun xi ħaġa ħafna isbaħ jekk il-ġenituri u t-tfal jidħlu fi ftehim fejn fil-ħin tal-familja l-mowbajl jitwarrbu.

Bartolo spjega kif illum il-ġurnata hemm il-biża’ li meta ma tkunx onlajn se titlef xi avveniment speċjali. Sostna li anke meta persuna tkun fuq xi titjira, l-ewwel ħaġa li tagħmel mal-wasla tal-ajruplan hija li tixgħel il-mowbajl u tara x’tilfet f’dak il-ħin li ma kelliex aċċess.