Amy Camilleri Zahra f’messaġġ fuq Facebook qalet li bħal-lum għaxar snin ilu, missierha kien taha kilwa. Qalet li jekk tħares lura, issa tifhem iktar meta tisma’ lil xi ħadd jgħid li “għat-tfal nagħmel kollox” meta tiftakar f’dak li għamel missierha għaliha.

Semmiet kif dan huwa eżempju ċar ta’ mħabba mingħajr ebda kundizzjoni, hekk kif ftakret meta hija u missierha ddaħħlu fis-sala tal-operazzjonijiet fl-isptar biex ikun jista’ jagħtiha waħda mill-kliewi tiegħu.

Amy irringrazzjat lil missierha għax qalet li kien huwa li għallimha xi tfisser l-imħabba ta’ vera. Kitbet li llejla se tieħu bibita biex tfakkar din l-imħabba bla kundizzjoni. Fl-istess ħin trid tirringrazzja lil missierha ta’ dak li bis-saħħa tiegħu irnexxielhom jiksbu flimkien f’dawn l-għaxar snin.

Għalqet il-messaġġ tagħha billi appellat lil kulħadd isib ftit ħin biex jirreġistra u jsir donatur tal-organi. Amy Camilleri Zahra qalet li b’hekk tiġi salvata ħajja u ssir l-eroj ta’ persuna oħra.

Tista’ tirreġistra biex tagħti l-organi tiegħek permezz ta’ dan il-link.