Il-Membru Ewro-Parlamentari Alfred Sant qal li l-Parlament Ewropew m’għandux is-setgħa legali biex jirrikonoxxi jew ma jirrikonoxxix l-istatus sovran u diplomatiku tal-gvernijiet. Dan qalu wara li astjena fuq vot dwar is-sitwazzjoni tal-Veneżwela li jitlob biex jirrikonoxxi l-Oppożizzjoni tal-pajjiż bħala l-Gvern leġittimu.

Hu tenna li ma jagħmilx sens li l-Parlament Ewropew jieħu pożizzjoni definittiva dwar il-Veneżwela meta hija sitwazzjoni ferm kumplessa. Sant qal li r-reġim attwali fil-Veneżwela ġej mill-ewwel gvern demokratiku ta’ hugo Chavez li introduċa riformi soċjali u ekonomiċi minkejja oppożizzjoni ħarxa tal-lemin. Dawn il-gvernijiet bħal ta’ Chavez, skont Sant daħħlu l-ekonomija tas-suq fil-ħajt waqt li kien hemm allegazjonijiet ta’ korruzzjoni.

Il-vot għadda b’439 favur, 104 kontra u 88 astenzjoni.