Il-missier u z-ziju ta’ student tal-Iskola Santa Klara f’Pembroke qegħdin jinżammu arrestati wara li nhar it-Tnejn li għadda weġġgħu 2 edukaturi u tifel meta marru fl-iskola biex jaqbżu għall-istudent li allegatament kien qed jiġi bbuljat.

Missier it-tifel, raġel ta’ 35 sena mill-Furjana, u ħuh, li huwa suldat mal-Forzi Armati ta’ Malta, marru l-iskola tat-tifel nhar it-Tnejn wara li rċivew telefonata li t-tifel, ta’ 13-il sena, kien qed jiġi bbuljat minn student ieħor ta’ 15-il sena. Skont ma qal l-avukat tad-difiża, l-ibbuljar kien ilu għaddej għal xi żmien, u t-tifel kien ġieli sofra xi ġrieħi.

Ġlieda fl-iskola sekondarja ta’ Pembroke; edukaturi midruba

Huma ġew akkużati li weġġgħu ħafif lil tifel u lil 2 edukaturi, li heddu lill-uffiċjali, ma tkellmux xieraq fil-pubbliku u li kisru l-paċi pubblika.

Il-Maġistrat Joe Mifsud oġġezzjona għat-talba tal-ħelsien mill-arrest minħabba riskju ta’ tbagħbis tal-evidenza, u minħabba kemm hu gravi l-każ. Huwa insista li l-vjolenza qatt ma tista’ tiġi aċċettata, wisq inqas fl-iskejjel.

Huwa rrimarka li, “Allaħares naslu f’sitwazzjoni fejn kap tal-iskola, għalliem, ġenitur jew persuna oħra li tkun responsabbli mill-minuri ma tkunx tista’ tikkoreġi minuri għax jekk tagħmel hekk […] tispiċċa attakkata u midruba.”

Il-Qorti ħarġet divjet fuq l-isem taż-żewġ studenti, u fuq isem il-ġenituri tal-allegata vittma, u fuq isem l-edukaturi wkoll. Ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni temporanja, b’multa ta’ €7,000 jew massimu ta’ sentejn ħabs għal min jiksirha.

Is-smigħ sar waqt li l-Ministeru għall-Edukazzjoni kellu laqgħa mal-Unjin tal-Għalliema (MUT) dwar is-sigurtà fl-iskejjel.

L-MUT u l-Gvern jaqblu dwar aktar sigurtà fl-iskejjel