L-Isqof Mario Grech qal li l-preżenza tal-membri tal-ħajja konsagrata, fosthom ir-reliġjużi u l-membri tal-istituti sekulari, hija preżenza li għandha tistimula lill-Knisja biex tissaffa. L-Isqof ta’ Għawdex kien qed jitkellem fil-Katidral tad-Djoċesi ta’ Għawdex fl-okkażjoni tal-festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej, magħrufa popolarment bħala l-Kandlora.

Huwa żied jgħid li l-persuni kkonsagrati huma sinjal qawwi tal-preżenza ta’ Alla fost il-bnedmin.

“Bil-konsagrazzjoni tagħkom intom sirtu ta’ Alla b’mod sħiħ u esklussiv. Għalhekk kull fejn tkunu intom tfakkruna f’Alla. Fil-ħarsa ta’ għajnejkom naraw il-ħarsa ta’ Alla fuq l-umanità; fil-kelma tagħkom nisimgħu l-leħen kollu ħlewwa tal-Missier; f’dirgħajkom inħossu lil Alla jħaddanna; f’riġlejkom naraw lil Alla miexi quddiemna, magħna u warajna; f’qalbkom inħossu t-taħbita tal-qalb ta’ Alla tħabbat għalina; fil-komunjoni ta’ bejnietkom għandna ħjiel tal-komunjoni Trinitarja.”

Fl-omelija tiegħu l-Isqof Grech qal li  Ġesù mar fit-Tempju biex jibda l-proċess tal-purifikazzjoni tat-Tempju – proċess li għadu għaddej anki llum fil-Knisja.

Konfoffi bejn gruppi reliġjużi

Huwa qal li t-Tempju ta’ Ġerusalemm minflok ma kien spazju tal-komunjoni, kien maħsub biex jifred: kien hemm post riservat għall-pagani, post ieħor għan-nisa, imkien ieħor għall-irġiel, u mbagħad post speċjali fejn joqogħdu s-saċerdoti. Żied jgħid li maż-żmien il-Lhud tant ħolqu riti u ritwali li r-reliġjon tagħhom aktar saret ir-reliġjon tal-bnedmin milli ta’ Alla.

Qal li t-Tempju sar ukoll bejta ta’ tensjonijiet u konfoffi bejn il-gruppi reliġjużi. Kompla jgħid li “mhux diffiċli li aħna nifhmu dan kollu, għax għandna minnu fit-tempju tal-lum!”

Fl-aħħar tal-omelija tiegħu huwa rrakkomanda li l-insara jkunu devoti tal-Madonna u li jżommuha qrib tagħhom.