Il-Qorti ċaħdet l-argumenti preliminari mill-avukati li qed jidhru għall-ARMS Ltd., il-kumpanija li taħdem il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma. Żewġ persuni fetħu kawża kontra l-kumpanija fejn qed jallegaw li l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma tagħhom qed jinħadmu ħażin.

L-avukat Maxilene Pace li qed tidher għaż-żewġ konsumaturi allegat li huma qed iħallsu fuq bażi pro rata għall-kontijiet tagħhom, u għalhekk l-kontijiet tagħhom qed jiġu kkalkulati b’mod ħażin.

Fl-argumenti preliminari mill-kumpanija ntqal li l-kontijiet tal-proprjetajiet residenzjali huma suġġetti għal tariffa bbażata fuq il-konsum annwali akkumulativi. Ġie spjegat li f’każ din tinħadem pro rata, għandu jkun hemm kalkolu li jirrifletti l-konsum annwali, filwaqt li jekk tħallsu ammonti żejda mill-konsumaturi dawn għandhom jingħataw il-flus lura.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Anna Felice ċaħdet argumenti preliminari li saru mill-avukati li qed jidhru għall-kumpanija ARMS.

Fiċ-ċirki legali l-każ qed jiġi segwit mill-qrib minħabba l-implikazzjonijiet li jaf ikollu f’każ li jinstab li l-kontijiet tad-dawl qed jiġu kkalkulati ħażin.

Fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili l-Imħallef Anna Felice qalet li żewġ applikanti qed jargumentaw li lo-mod kif qed jiġu kkalkulati l-kontijiet tagħhom ma jirrispettax ir-regolamenti. Kompliet tgħid li minn naħa tagħha l-kumpanija tidher li fehmet sew li diġà esebiet il-provi fil-Qorti.

Minkejja li l-ARMS argumentat li l-każ ma għandux għalfejn jidher quddiem il-Qorti iżda quddiem tribunal speċjali, il-Qorti qalet li l-għan tal-applikanti mhix kif qed jinħadem l-kontijiet tagħhom, iżda li r-regoli dwar kif għandhom jiġu kkalkulati l-kontijiet huma ħżiena.

Għaż-żewġ persuni qed tidher l-avukat Maxilene Pace.

Filwaqt għall-kumpanija ARMS qed jidhru l-avukati Stefano Filetti, Paul Cachia u Aaron Mifsud Bonnici.