L-avukati li qed jidhru għalll-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ressqu rikors quddiem il-Qorti bħala parti mill-kawża li l-ġurnalist u blogger Manuel Delia fetaħ kontra Bonnici u Ramon Deguara il-Kap tad-Dipartiment tat-tindif. Fir-rikors qed jiġi sfidat l-interess ġuridiku ta’ Delia fil-kawża.

AQRA: “Intenzjonata biex tiżvija lill-pubbliku” – Manuel Delia dwar Bonnici

Delia kien fetaħ proċeduri quddiem il-Qorti Kostituzzjonali fejn qed jgħid li d-drittijiet fundamentali tiegħu qed jiġu miksura kull darba li tneħħew il-fjuri, x-xemgħat u affarijiet oħra relatati mal-mafkar tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

AQRA: “Konna żrajna siġra tar-rand fil-ħamrija tal-monument” – attivista fil-Qorti

Ir-rikors iddaħħal ftit ħin wara li l-avukati li qed jidhru għal Delia ressqu nota li fiha ddikkjaraw li ma kellhomx iktar xhieda. Iżda minħabba dan ir-rikors, in-nota ttieħdet lura.

Fir-rikors l-avukati li qed jidhru għall-Ministru argumentaw li Qorti fix-xhieda semgħet persuni terzi li poġġew fjuri u xemgħat quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir fi Triq ir-Repubblika li ilu minn ftit sigħat wara l-assassinju ta’ Caruana Galizia jintuża bħala post ta’ protesta mill-attivisti.

AQRA: Il-Ministru Bonnici ordna li jitnaddaf il-mafkar ta’ Daphne – Debattista

Il-Qorti kienet preseduta mill-Imħallef Joseph Zammit Mckeon.

Għal Manuel Delia dehru l-avukati Jason Azzopardi, Eve Borg Costanzi, Paul Borg Olivier u Therese Commodini Cachia.

Għall-intimati qed jidhru l-avukati Victoria Buttigieg u Chris Cilia.

AQRA: Mafkar Daphne: Id-Direttur tal-Qorti ordnat joħroġ mill-awla