Uffiċjali mediċi ewlenin fir-Renju Unit saħqu li l-mowbajls għandhom jiġu pprojbiti fuq il-mejda tal-ikel u fil-ħin tal-irqad. Fissru li dan għandu jkun parti minn strateġija li twassal biex l-użu tal-aġġeġġi jkun tajjeb għas-saħħa tat-tfal.

Skont il-BBC, il-konsulenti tal-Gvern Ingliż enfasizzaw dwar diversi azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-ġenituri għall-ġid ta’ wliedhom.

X’inhuma l-pariri lill-ġenituri?

  • It-tfal m’għandhomx jitħallew jużaw mowbajls fuq il-mejda tal-ikel – diskursati fil-familja huma importanti għall-iżvilupp tat-tfal
  • Tneħħija ta’ kwalunkwe skrins mill-kamra tas-sodda meta jsir il-ħin għall-irqad
  • Diskussjonijiet fil-familja dwar sigurtà u bbulljar onlajn kif ukoll dwar x’għandhom jagħmlu t-tfal jekk ikunu inkwetati.
  • Ma jużawx mowbajls meta jkunu qed jaqsmu t-triq jew jagħmlu xi tip ta’ attività oħra li tirrekjedi l-attenzjoni sħiħa tal-persuna.
  • Jagħmlu mod kif it-tfal jieqfu kull sagħtejn minn attivitajiet li jirrekjedu skrin, billi jqumu u jkunu attivi.
  • Jillimitaw l-użu tagħhom ukoll – il-ġenituri għandhom jagħtu attenzjoni adekwata lit-tfal u ħin ta’ kwalità mal-familja, u qatt m’għandhom jassumu li kull membru tal-familja jkun kuntent bir-ritratti li jtellgħu fuq il-midja soċjali.

X’wassal għal dan?

Il-gwida tal-uffiċjali mediċi saret fid-dawl tal-laqgħa li s-Segretarju għas-Saħħa Matt Hancock għandu mas-sidien ta’ Instagram dwar kontenut relatat ma’ suwiċidju u self-harm – ħsara li persuna tagħmel fuq ġisimha stess.

“Instagram għen joqtol lil binti”

Wara s-suwiċdju ta’ adolexxenti, fejn anke saru rabtiet bejn is-suwiċidju tagħha u l-materjal perikoluż espost fuq Instagram, missierha kien qal li Instagram “għen joqtol lil binti”.

L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li l-każ kien ‘traġiku’ u li kien ċar li xi tfal qed jiġu esposti għall-kontenut mhux adekwat.  Jemmnu li hemm bżonn kodiċi li jobbligaw lill-kumpaniji biex jinvestu f’sistemi li jissorveljaw u jillimtaw dak li jasal għand it-tfal.  Jissuġġerixxu wkoll li kumpaniji tal-midja soċjali jiżviluppaw metodi aħjar biex iwasslu kontenut pożittiv lill-utenti.