Russell Brand, iċ-ċelebrità Ingliż li jħobb idaħħak, qal li jekk xi ħadd jipprova jgħarrax lil uliedu, ma jaħsibhiex darbtejn qabel jagħtih daqqa ta’ ponn. Skontu, it-tagħrix hu mod kif tneħħi l-awtonomija tat-tfal, tkun qed tisraqhom mid-dritt tagħhom għall-ispazju tagħhom u l-paċi.

Sophie Scott, professur tan-newroxjenza fil-University College ta’ Londra, tkellmet mas-sit Ingliż The Guardian u qalet li ma tistax taqbad u tmur fuq xi tifel jew tifla u tgħarraxhom. Din hi xi ħaġa li għandha ssir mill-ġenituri jew mill-gwardjani tat-tfal, u tintuża minnhom bħala mod biex jikkomunikaw mat-tfal qabel dawn jibdew jitkellmu. L-ewwel daħka fil-fatt, jaf tkun riżultat tat-tagħrix.

Scott qalet li huwa minnu li ħafna jħossuhom skomdi meta xi ħadd jgħarraxhom, iżda meta tkun drajt lil xi ħadd jgħarrxek, ħafna drabi tibda tidħak anke qabel jibda jgħarrxek.

Fil-każ tat-trabi, Scott tgħid li minflok it-tagħrix, hemm diversi logħbiet ħelwin li wieħed jista’ jilgħab magħhom, pereżempju billi taparsi jistaħba billi jgħatti wiċċu.