Papa Franġisku jiltaqa mal-ħaddiema tal-ħabs Regina Coeli ta' Ruma

Papa Franġisku l-bierah iltaqa’ mad-diretturi u mpjegti  tal-ħabs ta’ Regin Coeli ta’ Ruma u tkellem magħhom dwar kif il-ħabs, bl-għajnuna tagħhom jista’ jsir post ta’ riabilitazzjoni fejn il-priġunieri jinfdew.

L-amministrazzjoni u ħaddiema- madwar 600 – tal-imsemmi ħabs famuż ta’ Ruma kienu qed jirreċiprokaw żjara li l-Papa kien għamel fil-post tax-xogħol tagħhom f’Ħamis ix-Xirka tas-sena li għaddiet fejn kien mar iqaddes għall-priġunieri.

Fejqan

Fil-ħabs qalilhom il-Papa, “kulħadd, il-gwardjani, il-kappillani, l-edukaturi u l-voluntiera għandhom biċċa xogħol iebsa li jippruvaw ifejjqu l-feriti ta’ dawk li minħabba żbalji li għamlu, issa huma mċaħħda mil-libertà personali tagħhom.”

Hu osserva li hemm bżonn li l-ħabsijiet hemm bżonn li jkunu aktar umani u hu tan-niket meta tisma’ li ħafna drabi huma meqjusa bħala postijiet ta’ vjolenza u llegalitajiet fejn il-kattiverja hi rampanti.

Il-Papa qal li ħafna mill-priġunieri huma fqar; m’għandhom ebda punt ta’ riferenza, “ma għandhomx sigurtà, anqas familja, m’għandhomx mezzi biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, huma emarġinati u abbandunati għal riħhom. Is-soċjetà tqishom bħala individwi skomdi, piż, skart”.

Pressjoni tax-xogħol

Dwar l-impjegati tal-ħabs il-Papa nnota li x-xogħol tagħhom jista’ jpoġġi fuqhom ħafna pressjoni u kultant anke jħossuhom frustrati minħabba nuqqas ta’ ħaddiema jew iffullar esaġerat fil-ħabsijiet.

Skont Vatican News il-Papa qalilhom li “l-pressjoni tax-xogħol minħabba ħinijiet twal, u d-distanza mill-familja huma fatturi li jkomplu jagħmlu dan ix-xogħol aktar iebes meta diġa’ jitlob minnhom sforz psikoloġiku.  Għalhekk, nies professjonali bħalma huma dawk li jaħdmu fil-ħabs għandhom bżonn aktar bilanċ f’ħajjithom u motivazzjoni valida li tiġġedded kontinwament.”

Il-ħabs bħala post ta’ riforma

Papa Franġisku enfasizza li l-esperjenza turi li “l-ħabs, bl-għajnuna ta’ dawk li jaħdmu fih jista’ verament isir post ta’ fejda, qawmien mill-ġdid u bidla fil-ħajja tal-priġunieri  u dan kollu jista’ jsir bil-fidi, ix-xogħol, taħriġ professjonali imma speċjalment billi min jaħdem fih juri kumpassjoni u jkun qrib il-priġunier.”

Jekk nimxu fuq l-eżempju tas-Sammaritan it-Tajjeb li ħa ħsieb lil min sab ferut, “din l-attitudni li nkunu qrib in-nies, li għandha l-għeruq tagħha fl-imħabba ta’ Kristu, tista’ twassal lil ħafna priġunieri biex jagħmlu l-kuraġġ u jiksbu fiduċja għax jindunaw li huma maħbubin”.

Fl-aħħarnett il-Papa nkoraġixxa lil dawk preżenti biex iwettqu x-xogħol importanti tagħhom fi spirtu ta’ armonija u għaqda. “Intom  imsejħa biex taqbdu l-istess triq li tgħinu jqumu fuq saqajhom u jkattru t-tama lil dawk li sfortunatament sfaw vittma tal-ħażen”.