Xena li jara kultant il-Professur Stephen Montfort hija omm ażmatika, għaddejja tpejjep waqt li timbotta pram. Meta jistaqsiha kinitx waqfet tpejjep meta kienet tqila tgħidlu iva u għaldaqstant jispjegalha kif din hija dipendenza psikoloġika, minħabba li ladarba twelled terġa’ tibda tpejjep.

Prof. Montfort kien qed jitkellem waqt il-programm Psy Discuss immexxi minn Dr Joe u Dr Anna Cassar.  Il-Professur saħaq fuq kif it-tfal ta’ min ipejjep ikunu jbatu iżjed b’widinthom u griżmejhom u jkollhom iżjed ażma. Saħaq kif min ipejjep, tant kemm hu dipendenti psikoloġikament mis-sigaretti, li ma jindunax xi ħsara qed joħloq.

Montfort iddeskriva l-ażma bħala infjamazzjoni tal-inforra tal-pajp tan-nifs. Fisser li meta wieħed jieħu l-inhaler il-blu, ma jkunx imiss dik l-infjammazzjoni, iżda li jitlaq il-muskolu tal-pajp tan-nifs, jinfetaħ il-pajp għal ftit u wara ftit jerġa’ jiġi kif kien. Kompla jgħid li jekk jaqbdek riħ faċilment jerġa’ jaqbdek attakk.

Skont Prof. Montfort, għall-prevenzjoni hemm tip ta’ inhalers oħra, li ħafna nies ma jistgħux jifhmu li meta jeħduh, mhux se jħossu sodisfazzjoni dak il-ħin. Żied jgħid li ladarba jieħdu l-inhaler regolarment, tant iħossuhom tajjeb li iktar iħossu li qed jeħduh għalxejn. Qal li “dak huwa l-ikbar ċertifikat ta’ kemm ikollok bżonnu”.