Ċittadini f'Virginia, l-Istati Uniti jipprotestaw kontra abbozz ta' liġi dwar l-abort

L-appoġġ ta’ politiċi għal abbozz ta’ liġi li jippermetti l-abort saħansitra waqt li l-omm tkun qed twelled, sab ir-rabja u l-istmerrija taċ-ċittadini tal-istat ta’ Virginia fl-Istati Uniti li organizzaw protesta qawwija dak li jqisuh bħala “infantiċidju’.

Dawk li ħadu sehemm fir-rally stqarrew li dak li ntqal minn xi politiċi waqt id-dibattitu dwar dan l-abbozz ta liġi, tant ixxukkjahom li ħassew li kellhom jagħmlu din il-protesta anke jekk eventwalment ma kienx approvat mill-parlament tal-istat ta’ Virginia.

“Inħossuna mortifikati u mwerwra li l-istat ta’ Virginia miexi fl-istess direzzjoni ta’ dak ta’ New York”, qalet  mara mill-parroċċa tal-Ispirtu s-Santu f’Anandale li marret għal dan ir-rally flimkien maż ħewġha u l-ħames uliedhom ta’ età sa 13-il sena.

“Irridu nassiguraw li kulħadd isir jaf li aħna l-poplu ta’ Virginia ma naqblux ma din il-liġi. Aħna favur il-ħajja u ma rridux liġijiet estremi dwar l-abort jgħaddu mill-Parlament tagħna,” qalet din il-mara lill-Catholic Herald.

Aktar kmieni matul il-ġimgħa kien pubblikat video li fih dehret id-Deputat tal-Partit Demokratiku, Kathy Tran, tiddefendi l-abbozz li ressqet hi stess dwar l-abort. Mistoqsija, kemm tard fl-aħħar tliet xhur tat-tqala tabib jista’ jwettaq abort jekk iħoss li t-twelid jista’ jaffettwa s-saħħa mentali tal-omm, Kathy Tran wieġbet “sal-aħħar tat-tliet xhur”. Għal dan l-intervistatur staqsiha: “Fejn hu ovvju li l-mara waslet biex twelled, anke f’dak il-ħin tista’ titlob għal abort?” Ir-risposta xokkanti kienet: “Iva, l-abbozz li qed inressaq jien dan jippermettih”.

Liġi li tisvaluta l-ħajja

Waqt il-“Protesta kontra l-Infantiċidju” persuna minn dawk preżenti qalet li normalment hi ma tattendix għal protesti bħal dawn imma f’dan il-każ ħasset li hu dmir ċiviku tagħha li tattendi “għax din il-proposta ta’ liġi inkwetatni u nkwetat ħafna nies. Ma hemm ebda ġustifikazzjoni għal liġi bħal din. Anke r-raġunijiet li ngħataw għaliha ma jagħmlux sens għax hi liġi li tisvaluta l-ħajja.  Nittama li l-politiċi jkollhom bidla fil-qalb tagħhom”.

Qabel bdew id-diskorsi minn diversi kelliem fir-rally, tfal, nisa u rġiel li attendew bdew ixejjru diversi kartelluni favur il-ħajja u jikkundannaw l-abbozz.

Ħafna mill-kelliema ħeġġew lil dawk li huma favur il-ħajja biex isemmgħu leħinhom u jużaw il-vot tagħhom favur il-ħajja. Dan għax bħalissa fil-Parlament tal-Istat ta’ Virginia hemm maġġoranza ta’ tliet membri li huma favur il-ħajja, iżda wara l-elezzjonijiet ta’ Novembru li ġej is-sitwazzjoni tista’ tinbidel u l-maġġoranza tal-membri jkunu favur l-għażla tal-abort.

Infatti, studenta li tkellmet fir-rally wissiet li “Rridu nkunu lesti għax dan l-abbozz jaf jerġa’ jitressaq quddiem il-Parlament tagħna”.

L-abort mhux meħtieġ

Kelliem għall-organiżazzjoni ‘Care Net’ li toffri għajnuna lil nisa tqal, qalet li “Sa dakinhar li kull ħajja tkun protetta bil-liġi u milqugħa fid-dinja b’imħabba, id-Djoċesi ta’ Arlington se tkompli toffri għajnuna lill-familji fil-bżonn li jkunu qed jistennew tarbija u ngħinu lil dawk li qed isofru wara li wettqu xi abort. Aħna nistgħu naħdmu biex l-abort ma jkunx hawn bżonnu u ħadd ma jgħaddilu minn moħħu li jirrikorri għalih”.

Kelliema oħra għamlet appell imqanqal lill-politiċi: “Kull leġislatur f’dan il-pajjiż li qed jikkunsidra li jippermetti l-abort anke sal-mument tat-twelid, li jfisser infantiċidju, għandu jkun jaf ħaġa waħda – jekk qed tipprov ssaħħaħ id-drittijiet tan-nisa fuq il-katavri tat-tfal Amerikani, se jfallilek. Se tfalli u aħna se nirbħulek”.