Stqarrija mill-Ministeru għall-ekonomij, l-investiment u n-negozji żgħar u mill-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni qalet li fl-ewwel sena tal-operat, Business 1st irċevew aktar minn 17,000 telefonata w madwar 3,600 email. Kien hemm ukoll aktar minn 15,000 walk-ins, u ġie offrut taħriġ lil aktar minn 400 intraprenditur.

Il-Ministru Chris Cardona qal li l-gvern dejjem fittex li jnaqqas u li jissimplifika l-burokrazija, hekk kif id-dewmien jista’ jkollu impatt kbir partikolarment fuq in-negozju u s-sostenn tiegħu.

Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar fost affarijiet oħra qal li Business First sar l-ewwel proġett pilota fil-kunċett tal-one-stop-shop. Is-Sur Cutajar spjega li l-ħsieb wara Business 1st hu li jinbet il-kunċett tal-one government u li l-istakeholders jidħlu parteċipi. Semma s-servizz tal-153, u kif jidħlu mal-40,000 telefonata fix-xahar. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni rrefera wkoll għal madwar 800 servizzi online u għall-investiment ta’ 40 miljun ewro li qed isir biex il-klijent jinqeda mill-kumdità ta’ daru.

Il-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni Rosianne Cutajar se tibqa’ tgħin lil Business 1st biex jippromwovu s-servizzi tagħhom mal-pubbliku ġenerali u fuq il-mezzi soċjali biex b’hekk aktar persuni jsiru familjari ma’ dan il-one stop-shop u jirrikorru ghall-għajnuna u għall-assistenza tal-ħaddiema dedikati ta’ Business 1st.

Is-Sinjura Marika Tonna li tmexxi Business 1st spjegat li l-entità hi b’mod partikolari għodda tajba għan-negozji ż-żgħar hekk kif dawn ġeneralment ma jkollhomx ir-riżorsi li għandhom azjendi kbar biex iqabbdu professjonisti jagħmlulhom ix-xogħol.

Business 1st hu kumplimentat b’simplifikazzjoni tal-proċess għat-twaqqif ta’ negozju. Kull min hu interessat li jiftaħ negozju, issa jista jsib l-applikazzjoni online, w it-twaqqif ta’ negozju ġdid f’Malta jista’ jsir f’inqas minn tlett ijiem. 

 Business 1st jaħdem id f’id ma’ imsieħba soċjali u ma’ diversi entitajiet u aġenziji tal-gvern li joffru servizzi relevanti għan-negozji. Fiż-żmien li ġej se jkun introdott servizz mid-Dwana biex jgħin u jiffaċilita negozji li għandhom tħassib dwar l-operat tagħhom minħabba Brexit.