L-Arċisqof Charles Scicluna qal li matul is-summit tal-Isqfijiet li l-Papa Franġisku se jlaqqa’ fil-Vatikan biex il-Knisja tiġġieled kontra l-abbużi sesswali fuq minuri, se jkun hemm ħinijiet fejn il-vittmi tal-abbuż jitolbu mal-isqfijiet.

Żied jgħid li s-summit hu mistenni li jwassal għal azzjonijiet konkreti  permezz ta’ numru ta’ follow-ups li se jsiru. Qal ukoll li biex jiġi miġġieled l-abbuż jista’ jkun hemm kemm tibdil fil-liġi tal-Knisja kif ukoll fil-formazzjoni tas-Seminaristi.

Huwa qal ukoll li ma jeskludix li matul il-konferenza l-Papa jitkellem ukoll, kif għamel huwa u jirritorna miż-żjara pastorali fl-Emirati Għarab Magħquda, dwar l-iskandlu ta’ abbuż minn qassisin fuq sorijiet.

Is-summit se jsir fil-Vatikan bejn il-21 u l-25 ta’ Frar u fih se jkun hemm il-kapijiet ta’ kull konferenza episkopali, membri tal-ordnijiet reliġjużi u rappreżentanti tal-knejjes orjentali. Il-Papa għażel lill-Arċisqof Scicluna biex ikun parti mill-kumitat li qed jorganizza dan is-summit u li anke se jieħdu ħsieb il-follow ups.

AQRA: Ħatra ġdida għall-Arċisqof Scicluna mill-Papa

L-Arċisqof Charles Scicluna kien intervistat fuq il-programm Follow-Up fuq RTK li se jiġi mxandar nhar it-Tnejn 11 ta’ Frar fil-5pm.

Azzjonijiet malajr u oħrajn fit-tul

L-Arċisqof Scicluna stqarr li fit-tlett ijiem tal-Konferenza, l-Isqfijiet mhux qed jippretendu li jbiddlu d-dinja. Semma kliem il-Papa Franġisku meta wissa dwar l-aspettattiva kbira li hemm għall-konklużjonijiet tal-konferenza. Huwa qal li  aktar importanti għandhom ikunu l-azzjonijiet li se jittieħdu wara permezz tal-follow-ups.

L-Arċisqof spjega kif bħal kull problem oħra jeħtieġ li jitħejja wkoll pjan ta’ azzjoni fit-tul. L-Arċisqof qal li “hemm postijiet fid-dinja fejn jekk jiġrilek xi ħaġa ma titkellimx dwarha”. L-Arċisqof sostna li din il-mentalità trid titbiddel filwaqt li ammetta li biex tibdel kultura tieħu aktar żmien. Temm jgħid li għalhekk “l-effetti ta’ xi deċiżjonijiet li jittieħdu se jdumu ma jidhru”.

Il-vittmi se jitolbu mal-isqfijiet

Tul il-programm, l-Arċisqof spjega li l-Papa Franġisku xtaq li kulħadd ikollu kuxjenza ċara tas-sitwazzjoni, dik li l-Arċisqof Scicluna sejħilha bħala “l-pjaga tal-abbuż tal-minuri, speċjalment meta min jagħmel din il-ħaġa kerha jkun saċerdot li suppost ikun ir-ragħaj mhux il-lupu”.

It-tieni ħaġa li l-Papa xtaq hija dik li l-Isqfijiet, bħala l-mexxejja tal-Knisja, ikunu jafu kif għandhom jaġixxu u t-tielet dik li jkun hemm mumenti ta’ talb. L-Arċisqof Scicluna żvela li għal dawn il-mumenti ta’ talb li se jsiru kuljum matul il-konferenza, ġew mistiedna vittmi tal-abbuż bl-idea tkun li jkun hemm talb għall-maħfra, kif ukoll talb għal kull min hu milqut mill-abbuż.

Il-pjan tal-konferenza

L-Arċisqof żvela wkoll it-temi għat-tlett ijiem tal-Konferenza, bl-ewwel ġurnata tkun iddedikata għar-responsabbiltà fi ħdan it-tmexxija tal-Knisja. Mons. Scicluna stqarr kif “dan huwa qasam li ma tistax ma tiħux responsabbiltà”.

It-tieni ġurnata mistennija tiffoka fuq il-kontabilità. L-Arċisqof qal li għalkemm l-Isqfijiet għandhom ikunu responsabbli, xorta waħda jridu jagħtu kont ta’ għemilhom lill-Knisja u lis-soċjetà.

It-tielet ġurnata hi ddedikata għall-fini ta’ trasparenza, bl-Arċisqof Scicluna jgħid li bħala Isqfijiet mhux biss għandhom id-dmir li jagħmlu dak li għandu jsir imma s-soċjetà għandha dritt li tkun infurmata jekk hemm periklu jew proċess li hu għaddej. Hawnhekk l-Arċisqof saħaq li b’din l-informazzjoni, is-soċjetà tkun aktar f’pożizzjoni li tixhed fi proċess li jwassal għal ġustizzja.

L-abbuż ta’ qassisin fuq sorijiet

L-Arċisqof kien mistoqsi dwar l-iskandlu mikxuf minn rivista li toħroġ ma’ L’Osservatore Romano (il-gazzetta tal-Vatikan) jiġifieri li kienu rappurtati abbużi sesswali minn qassisin fuq sorijiet.

L-Arċisqof qal li anke l-Papa tkellem dwar dawn l-abbużi koroh ħafna. Il-Papa anke semma li kien hemm każi fejn is-sorijiet kienu qishom skjavi sesswali.

L-Arċisqof qal ukoll li hemm soċjetajiet li minħabba kuntesti differenti fosthom ta’ faqar, in-nisa u allura anke s-sorijiet ma jkunux rispettati u jiġu abbużati. Huwa qal li anke f’dawn il-każi l-abbuż isir aktar ikrah għax isir minn qassis li suppost ikun ragħaj u jsir fuq persuna konsagrata.

Huwa qal li għalkemm il-konferenza li se ssir kienet issejħet qabel ħareġ dan l-iskandlu ma jeskludix li l-Papa jitkellem fuq dan l-abbuż u li anke jkun diskuss fil-konferenza.