Iż-żieda ta’ persuni li għandhom iktar minn 60 sena u li qed jispiċċaw bla saqaf fuq rashom ġiet deskritta bħala allarmanti mill-Kap Eżekuttiv u s-Segretarju Ġenerali Nazzjonali tal-YMCA Anthony Camilleri. F’kumment li ta lil Newsbook.com.mt, Camilleri spjega li l-YMCA qed ikollha madwar 5 każi referuti lilha kuljum.

AQRA: “Charles Miceli kien bniedem ħieles” – Prof. Azzopardi

Fil-kumment tiegħu Camilleri spjega li ħafna minn dawn qed ikunu tfajliet kif ukoll ġuvintur ta’ bejn l-20 u l-25 sena, iżda kien hemm żieda allarmanti ta’ persuni li għandhom il fuq minn 60 sena. Camilleri kompla jgħid li r-realtà hi li ħafna mix-xelters qed ikunu mimlijin.

Camilleri spjega kif wieħed għandu jagħmel distinzzjoni bejn dawk li huma bla saqaf u dawk li huma bla dar, fejn dawn tal-aħħar jaf ikunu persuni li qegħdin f’xi instituzzjoni, jgħixu mal-ħbieb, jgħixu f’kamra waħda ma’ ammont kbir ta’ nies fost sitwazzjonijiet oħra. Spjega li b’din id-distinzzjoni wieħed jintegra fid-definizzjoni mhux biss dawk li reqdin fuq xi bankina iżda titwessa’ għall-iktar sitwazzjonijiet prekarji.

‘Persuni li jispiċċaw bla saqaf minħabba realtajiet differenti’ – Direttur tal-Caritas

Id-Direttur tal-Caritas Malta Anthony Gatt saħaq li fix-xelters tal-Caritas il-persuni li jużaw is-servizzi huma 33% Maltin, 33% ġejjin mill-Ewropa u 33% ġejjin mill-kontinent Afrikan. Saħaq li hemm diversi fatturi għalfejn dawn il-persuni jiġu bżonn dan is-servizz. Bħala eżempju Gatt tkellem dwar dawk il-barranin li jkunu ġabu l-permess biex jaħdmu iżda ma jistgħux isibu saqqajhom minħabba l-kera jew inkella għadhom fil-proċess li jsibu xogħol. Gatt spjega wkoll li hemm nies li spiċċaw f’vakum, dan għaliex minkejja jkunu jistgħu joqgħodu Malta dawn ma jistgħux jaħdmu hawn jew inkella ma għandhomx biżżejjed għajnuna. Gatt iddeskriva s-sitwazzjoni ta’ dawn in-nies bħala “no man’s land”.

Gatt tkellem ukoll dwar dawk il-persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali jew problemi ta’ vizzji u saħaq li dawn il-persuni jkollhom bżonn għajnuna iktar fil-fond qabel ma jkunu jistgħu jintegraw fis-soċjetà.

Il-Caritas Malta topera dawk li jssejjħu xelters ta’ emerġenza flimkien ma’ Alfred Mizzi Foundation u mal-Gvern. Fost is-servizzi tal-Caritas wieħed isib Dar Papa Franġisku li hi dar għall-irġiel b’22 sodda, Dar Maria Dolores li għandha 8 soddod kif ukoll xelters li jospitaw nies għall-iktar żmien. Dawn id-djar jipprovdu servizz għal dawk il-persuni li jinqabdu fi kriżi u jispiċċaw bla saqaf. Gatt ma’ Newsbook.com.mt qal li ġieli ġie żmien fejn ix-xelters kienu kollha mimlija, b’hekk il-persuna tiġi referuta għax-xelters oħra.

‘Dejjem importanti nisimgħu lil dawk li huma affettwati’ – Prof. Azzopardi

Il-Professur Andrew Azzopardi saħaq li huwa dejjem importanti ħafna li wieħed jisma’ x’inhuma jgħidu dawk il-persuni li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom f’kumment li ta lil Newsbook.com.mt. Azzopardi qal li l-idea tal-konferenza dwar il-persuni bla saqaf jew bla dar ittellgħet mill-Fakultà tax-Xjenza tas-Saħħa, mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà u YMCA fost organiżżazzjonijiet oħra fil-Palazz tal-Verdala l-Buskett, kienet inzjattiva tajba ħafna. Saħaq li qed isiru diversi inzjattivi f’dan ir-rigward.

Azzopardi saħaq li l-faqar mhux iżolat iżda marbut ma’ fenomeni oħra. Huwa tkellem ukoll dwar tibdil fil-mentalità fejn wieħed qed issir iktar individwalist u dwar il-bżonn li jinżamm is-sens ta’ kommunità u tal-ġustizzja soċjali.

Il-Ġimgħa ttellgħet konferenza bl-isem Homelessness – The Hidden Scandal kienet mtella’ mill-Caritas Malta, il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa, u l-YMCA.