Biex fis-soċjetà tagħna tissaħħaħ il-kultura favur il-ħajja umana, nipproponi li jkun hemm aktar impenn li jġib ’il quddiem id-djalogu bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani. Dan kien il-messaġġ tal- Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech fil-Laqgħa  Ġenerali Annwali ta’ Dar Ġużeppa Debono.

Huwa saħaq li l-ġenerazzjoni żagħżugħa hi dik li toħlom, filwaqt li l-anzjani huma dawk li ħadmu biex raw il-ħolm tagħhom. Fosthom, imma, hemm dawk li jgħallmuna biex fil-ħajja ma noħolmux bil-ftajjar. Għax xi drabi, frott l-entużjażmu u n-nuqqas ta’ esperjenza, il-ħolm taż-żgħożija jaf ikun frott l-idealiżmi.

Mons. Grech qal li żgur li hemm anzjani li quddiem ix-xewqa li jnisslu ħajja, qalbhom imtliet bil-beżgħat imma rnexxielhom jirbħuhom. Hemm anzjani li minkejja l-faqar li kellhom, xorta kienu ġenerużi mal-ħajja, u għax ittamaw, messew b’idejhom il-Providenza. Hemm anzjani li għandhom memorji sbieħ tal-ferħ li tnissel familja numeruża. Hemm anzjani li ġarrbu t-tbatija ta’ min tilef it-tarbija fil-ġuf kemm b’mod naturali jew b’għażla. Hemm anzjani li maż-żmien irnexxielhom ifiqu mill-ġerħa tal-abort u llum tgħallmu mill-iżbalji tal-ħajja. Hemm anzjani li bkew ma’ wliedhom u għal uliedhom, imma għax ipperseveraw f’dak li huwa tajjeb, in-niket tagħhom inbidel f’ferħ.

L-Isqof Grech qal li tajjeb li ngħinu lill-ġenerazzjoni żagħżugħa tiskopri din ir-riżorsa prezzjuża li għandna fl-anzjani tagħna. Jekk nagħrfu nakkumpanjaw liż-żgħażagħ jagħmlu l-patt mal-anzjani, l-esperti fil-ħajja, indirettament inkunu qegħdin ngħinu biex fil-ġenerazzjonijiet li telgħin ikun hawn aktar reverenza quddiem il-ħajja sa mill-bidu tat-tnissil. L-anzjani tagħna huma konfessuri tal-għaġeb tal-ħajja.

Żied jgħid li billi jafu x’inhi l-ħajja u stinkaw biex jgħixu, huma difensuri tal-ħajja. Ħafna minnhom ħallsu prezz għoli biex għexu, u għalhekk jafu kemm tiswa l-ħajja. Jekk huwa ż-żmien li jsajjar il-bajtar, huwa ż-żmien li jimmatura l-bniedem anki fl-apprezzament u l-għożża tal-ħajja.

L-Isqof Grech temm jgħid li dan id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet mhux biss jgħin biex fostna jikber il-ħarsien tal-ħajja, imma jnissel fina wkoll ir-rispett lejn il-ħajja tal-anzjani. Għax jekk il-qtil tat-tarbija fil-ġuf huwa ikrah, daqshekk ieħor hija mneżżgħa minn kull dinjità umana t-temma volontarja tal-ħajja tal-marid u tal-anzjani.